Thursday, April 25, 2024

Inawgurata binja rinnovata ta’ rijabilitazzjoni għall-pazjenti tal-Isptar Monte Karmeli

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura binja rinnovata biswit l-Isptar Monte Karmeli li se tilqa’ 14-il pazjent li wara li jirċievu l-kura fl-isptar jingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom lura fis-soċjetà permezz ta’ din il-halfway house. Hawnhekk, il-pazjenti jistgħu jgħixu normali, f’ambjent ta’ dar, taħt is-sorveljanza tal-istaff professjonali. Dan sar b’investiment ta’ terz ta’ miljun ewro minn fondi nazzjonali u huwa parti mill-programm ta’ rinnovar u ta’ immodernizzar tal-binjiet li joffru servizzi ta’ saħħa mentali.

“Dawk il-pazjenti li jkunu tilfu l-kunfidenza li jerġgħu joħorġu barra fil-komunità jistgħu jirrisjedu hawn, taħt is-sorveljanza tal-istaff tagħna, imma prattikament qed jgħixu b’mod indipendenti, biex b’hekk jerġgħu jiksbu l-fiduċja fihom infushom. Il-pjan li lil dawn il-pazjenti noffrulhom kura f’ambjent dinjituż u b’esperjenza tajba jidher li miexi sew,” saħaq id-Deputat Prim Ministru.

Fakkar li waħda mill-pilastri fl-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali hija li fejn hu possibbli, it-trattament isir fil-komunità, barra l-isptarijiet psikjatriċi. Għalhekk, din il-binja rinnovata tingħaqad ma’ servizzi oħra bħal dik tal-Crisis Resolution Home Treatment, imnedija ftit tax-xhur ilu. Id-Deputat Prim Ministru ħabbar li 159 pazjent ġew riferuti biex jagħmlu użu minn dan is-servizz, li minnhom 150 evitaw il-bżonn li jkunu riferuti għall-Isptar Monte Karmeli.

Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-servizzi tas-saħħa mentali tax-xogħol dedikat li jagħmlu mal-pazjenti, filwaqt li faħħar l-impenn tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi li għamlet ix-xogħlijiet strutturali u ta’ rinnovazzjoni fil-binja.

Il-Professur Anton Grech, Chairman tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, irrimarka li ammont ta’ pazjenti li jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali, possibilment jitilfu wkoll l-abbiltajiet neċċesarji biex jgħixu ħajja normali. Grazzi għal Dar Sebħ Ġdid, is-servizz tal-kura ta’ saħħa mentali għandu post ieħor fil-kullana kbira ta’ servizzi moderni mogħtija.

Sport