Wednesday, April 24, 2024

“Se naħdem bla heda u se nħalli l-ħidma u r-riżultati jitkellmu bil-fatti”

Aqra wkoll

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu mal-aħbar li huwa ġie maħtur bħala Chairman tal-MPFCA, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-irwol tiegħu mhux se jkun wieħed li jidħol fit-tmexxija tal-clubs individwali, iżda li jitfassal u jitwettaq proġett ta’ riformi ambizzjużi iżda fattibbli, li jimmodernizza l-ogħla kampjonat tal-football Malti.

Fost l-għanjiet prinċipali li Muscat jemmen li għandu jkun hemm:

  • Il-clubs tal-Premier League isiru aktar sostenibbli u jiddaħħal kunċett ta’ solidarjeta’.
  • Jiġġeneraw aktar negozju u dħul indipendenti.
  • Jattiraw aktar interess u supporters kemm fuq it-televiżjoni u speċjalment fil-grounds.
  • Jinvestu aktar f’talent żagħżugħ u jiġi attirat ukoll talent ġdid , f’konsultazzjoni mal-għaqda li tirrapreżenta lill-players.
  • Ikun hemm diversita’ fit-tmexxija tal-clubs, fost l-oħrajn bl-involviment attiv ta’ aktar nisa.
  • Jitwettaq pjan biex fi żmien ftit snin il-clubs Maltin ikunu jistgħu jisfidaw f’livell ogħla milli qegħdin jagħmlu llum fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Dan kollu huwa parti mill-istrateġija tal-MFA u għalhekk irid isir flimkien mal-MFA.  Muscat kompla biex jgħid li hu jemmen li din ir-riforma għandha tħalli impatt pożittiv anki fuq it-team Nazzjonali Malti.

“F’ħafna fażijiet differenti ta’ ħajti, meta tkellimt dwar pjani kont niġi milqugħ b’ xettiċiżmu. Hawn ukoll bħalma għamilt dejjem, anki f’dan ir-rwol volontarju ġdid tiegħi, se naħdem bla heda u se nħalli l-ħidma u r-riżultati jitkellmu bil-fatti”, sostna Muscat filwaqt li rringrazzja mill-ġdid lill-clubs li kkonfermawh b’din ir-responsabbiltà.

Sport