Sunday, December 22, 2024

Inawgurata Dar il-Kantuniera, l-Għarb – Iffirmat ftehim biex f’Għawdex jiġu offruti servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità

Aqra wkoll

Waqt ċerimonja li saret fl-Għarb, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u ċ-Chairperson tal-Malta  Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mal-President tal-Mental Health Association  Pauline Camilleri, fetħu Dar Il-Kantuniera fil-qalba tar-raħal tal-Għarb. Dan wara li ġie ffirmat ftehim  bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Malta Trust Foundation u l-Mental Health Association Gozo  sabiex jiġu offruti servizzi ġodda fil-komunità, ikluż l-akkomodazzjoni għal persuni bi sfidi ta’ saħħa  mentali. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li “l-qasam soċjali huwa dejjem prijorità fil-ħidma  tagħna bħala Gvern u bħala Ministeru għal Għawdex u permezz ta’ din id-Dar, għall-ewwel darba se  nkunu qed noffru servizzi ġodda fil-qasam tas-saħħa mentali li se jingħataw fil-komunità stess. Konna  kommessi li nwettqu dan il-proġett għaliex irridu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni u  nemmnu bis-sħiħ li l-kura fil-komunità hija ta’ ħafna aktar ġid għall-individwu. Din id-Dar hi fil-fatt  l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Għawdex.” 

Il-Ministeru għal Għawdex se jieħu ħsieb il-ħlas tal-kiri ta’ Dar il-Kantuniera biex tiġi użata għal dan  il-proġett, kif ukoll il-manutenzjoni tal-post u t-tindif u jipprovdi u jinstalla CCTV fuq il-post fost  affarijiet oħra. Barra minn hekk, il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħaddi lill-Malta Trust  Foundation is-somma ta’ €606,000 fuq medda ta’ 3 snin biex jitħallsu l-ħaddiema li hemm bżonn  biex titmexxa d-dar. Minn naħa tagħha l-Malta Trust Foundation f’kollaborazzjoni mal-Mental  Health Association Gozo se jkunu qeghdin jieħdu ħsieb it-tmexxija tad-dar, il-programm terapewtiku  u se jagħmlu tajjeb għall-ispejjes rikorrenti għall-ħtiġijiet tar-residenti.  

Il-Ministru Camilleri spjega kif permezz ta’ din id-dar se tkun qed titqajjem kuxjenza biex tinbidel  il-preċezzjoni tan-nies u nippromwovu mġiba li tiffavorixxi saħħa mentali tajba.  

Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li “il-komunità hija  komponent importanti ħafna fl-appoġġ li jkollhom bżonn diversi persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali.  Dar ‘Il-Kantuniera’ f’Għawdex se tkun qed tilħaq l-għan li tgħin fit-tħejjija ta’ persuni bi sfidi ta’  saħħa mentali biex jerġgħu lura fil-komunità tagħhom. Konvinta li dan l-ewwel proġett tax-xorta  tiegħu f’Għawdex se jgħin bis-sħiħ biex kemm jista’ jkun persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali ma jiġux  istituzzjonalizzati fl-isptar, iżda jgħixu fl-ambjent tagħhom, bl-appoġġ dinjituż li jixirqilhom.” 

Min-naħa tagħha l-President tal-Mental Health Association Gozo s-Sa Pauline Camilleri qalet li “Il Kantuniera hija dar unika tax-xorta tagħha għall-gżejjer Maltin li ser isservi ta’ kenn temporanju għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali li ser jingħataw terapija kemm individwali kif ukoll fi gruppi. Id dar ser isservi wkoll ta’ pjattaforma għal tagħlim kemm għal studenti u professjonisti, kif ukoll għal  dawk kollha li għandhom għal qalbhom is-suġġett tas-saħħa mentali, bil-għan ewlieni jkun li  titnaqqas kemm jista’ jkun l-istigma li sfortunatament għandha assoċjata ma’ dan is-suġġett.” 

L-Isqof Anton Teuma spjega li “lkoll kemm aħna għandna sehem fis-suċċess u fil-falliment ta’ xulxin,  kemm fuq livell uman u kemm fuq livell spiritwali. Ejjew ningħaqdu flimkien biex infittxu biss il ġid ta’ xulxin, speċjalment ta’ min hu l-aktar dgħajjef.” 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-ftuħ ta’ Dar il-Kantuniera huwa xhieda ta’  kemm dan il-Gvern verament jieħu ħsieb kull settur fis-soċjetà tagħna u jemmen li kulħadd għandu  jkollu kwalità ta’ ħajja tajba.

Ekonomija

Sport