Thursday, March 28, 2024

Inawgurata l-ewwel roundabout f’Malta li taħdem bil-pannelli

Aqra wkoll

Roundabout fil-limiti ta’ Ħal Safi saret l-ewwel waħda li taħdem b’impjant fotovoltajku fejn l-apparat kollu elettriku u tal-irrigazzjoni tagħha se jkunu qed jużaw enerġija rinnovabbli ġenerata miċ-ċelloli fotovoltajċi.

Dan tħabbar mill-Ministru Aaron Farrugia li qal li dan hu l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta li jiddependi kollu kemm hu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-ministru spjega li din ir-roundabout, li tneħħiet fil-bidu tas-sena l-oħra, issa reġgħet ġiet installata bħala parti minn dan il-proġett u tħawlu numru ta’ pjanti li jattiraw il-pollinaturi. 

Il-proġett se jkun qed jiffranka madwar 10kg tal-emissjonijiet tal-karbonju kull 24 siegħa. 

“Dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif kunsilli lokali u entitajiet oħra jistgħu jingħaqdu flimkien biex joħolqu proġetti sostenibbli, f’dan il-każ, jagħqdu l-enerġija rinnovabbli ma’ tisbiħ urban biex it-tnejn jagħtu eżempju, itejbu l-pajsaġġ urban tagħna, ikunu ta’ benefiċċju għall-pollinaturi u jieħdu l-benefiċċji tal-enerġija solari. Fuq il-post tħawlu wkoll pjanti staġjonali biex tissebbaħ l-estetika tal-proġett, u l-pjanti kollha huma adattati għall-klima ta’ Malta u ma jeħtiġux tisqija eċċessiva,” qal il-ministru.

Dan il-proġett sar minn Ambjent Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi u tal-Environmental Landscapes Consortium (ELC) bħala l-kuntrattur. Preżenti għat-tħabbira kien hemm ukoll id-Direttur (Business Development) ta’ Ambjent Malta Francis Farrugia u Malta Embellishment and Landscaping Project (MELP) Senior Manager Joseph Borg Camilleri, kif ukoll is-sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula.

Il-Ministru Farrugia tenna li Ambjent Malta hija impenjata li timplimenta u timmaniġġja żoni ta’ konservazzjoni, żoni protetti, infrastruttura ħadra u żoni sensittivi. Fl-2021 biss, Ambjent Malta investiet aktar minn €350,000 għal proġetti ġodda ta’ tisbiħ mal-ELC.

Is-sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula qal li l-kunsill lokali sa mill-bidu nett xtaq li dan il-proġett ikun 100% ambjentalment nadif. Spjega li l-pannelli solari li ġew installati huma l-uniku sors ta’ enerġija għat-tħaddim ta’ dan il-proġett li jinkludi sistema ta’ irrigazzjoni għat-tisqija ta’ diversi arbuxelli li tħawlu fir-roundabout u fis-soft areas tal-madwar, is-sistema ta’ dawl LED li qed idawwal ir-roundabout kollha matul il-lejl u l-pompa li qed tħaddem il-funtana li saret waqt il-proġett stess.

Ekonomija

Sport