Wednesday, April 24, 2024

Proġett biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fil-Baħrija u l-madwar

Aqra wkoll

Jingħata bidu għal proġett infrastrutturali biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fil-Baħrija u l-madwar. Ix-xogħol qed isir wara diskussjonijiet bejn il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, l-Enemalta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat.

Permezz tax-xogħlijiet li qed isiru, ir-residenti se jkunu jistgħu jgawdu minn sistema ġdida ta’ provvista tal-elettriku li tindirizza l-inkonvenjent li ffaċċjaw ir-residenti għal snin twal.

Il-Baħrija hija lokalità li qed tkompli tikber fin-numru ta’ residenti. Sa qabel l-2013, l-infrastruttura kienet ferm lura. Fil-fatt, sa ftit tas-snin ilu lanqas sistema ta’ drenaġġ ma kien hemm. Għalhekk, tul dawn is-snin, il-gvern investa l-miljuni sabiex kull familja tkun imqabbda ma’ sistema ta’ drenaġġ komuni.

Issa l-gvern qed jagħmel pass ieħor importanti fit-titjib tal-ħajja tar-residenti, b’investiment li se jkun qed jimmodernizza s-sistema infrastrutturali tal-elettriku. B’mod partikolari, għal snin twal ir-residenti ffaċċjaw problemi ta’ qtugħ ta’ dawl u vultaġġ baxx.

F’diskussjonijiet bejn il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, rappreżentanti tal-Enemalta u s-Sindku tar-Rabat Sandro Craus, ġie deċiż li jsir l-investiment f’din il-lokalità.

Ix-xogħol jinkludi tqegħid ta’ cables u modernizzar ta’ substations.

“L-Enemalta hija impenjata li tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni f’pajjiżna. Dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li l-Enemalta qed taħdem fuqhom bħalissa bħala parti minn pjan ta’ ħames snin,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.

Is-Sur Craus irringrazzja lill-gvern li se jkun qed iwettaq dan l-investiment filwaqt li saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-proġett għar-residenti.

Sport