L-Isptar San Vinċenz de Paul issa għandu sala oħra rinnovata, dik ta’ St Joseph Ward 1, permezz ta’ investiment ta’ miljun ewro.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’konferenza tal-aħbarijiet, hekk kif ġie spjegat li din ir-riġenerazzjoni seħħet bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni fl-Isptar San Vinċenz de Paul. Dan il-pjan huwa mifrux fuq medda ta’ 5 snin u permezz tiegħu diġà ġew rinnovati 18-il sala.
Ġie spjegat li f’din is-sala partikolari nħass il-bżonn li r-rinnovar jakkomoda wkoll koppji anzjani. Apparti li ssebbħet id-dehra ġenerali tas-sala, sar titjib konsiderevoli u nqalgħu s-servizzi kollha, bħal servizzi tal-ilma, elettriku, drenaġġ, sar pavimentar ta’ vinyl aktar iġeniku, ġew installati wkoll sistemi ta’ nurse call, dwal, sistemi ta’ alarm kontra n-nirien u ta’ emerġenza u ġie introdott ossiġenu mediku fil-kmamar.
Ġie spjegat ukoll li kull kamra għandha wkoll kamra tal-banju aċċessibbli privata u s-sala hija adattata għal persuni bid-dimensja. Is-sistemi tal-arja kundizzjonata u ventilazzjoni huma ġodda, effiċjenti u jħammġu anqas, kif ukoll is-suffitti jgħinu fl-immaniġġjar tal-akustika u għandhom materjal li ma jiħux in-nar malajr.
Ġiet mibdula wkoll il-bitħa ta’ din is-sala għal waħda aktar aċċessibbli u sigura. Inbidel ukoll it-tagħmir mediku kollu, minn sodod ġodda tal-elettriku għal lifters, trolleys u oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kura diretta tal-anzjani.
“Huwa importanti li nżommu l-ambjent fejn jgħixu l-anzjani kemm jista’ jkun san u fl-aqwa mod possibbli biex b’hekk niżguraw dejjem kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid il-Ministru Abela.