Tuesday, May 14, 2024

INIZJATTIVA LI GĦANDHA TIĠI SOSTNUTA

Aqra wkoll

Li ħafna ċittadini f’pajjiżna għadnhom talent m’hemmx dubju dwaru. Dan it-talent tal-Maltin ivarja minn qasam għall-ieħor. U għalhekk huwa ta’ min jammira inizjattivi li jittieħdu individwalment li minnhom tista’ tgawdi l-komunità inġenerali. Ħafna drabi l-inizjattivi li jittieħdu bilkemm jiġu f’moħħok. Għalhekk huwa ta’ min japprezza kull inizjattiva li tittieħed minn persuni individwali.

Dan rajnieh iseħħ fil-jiem li għaddew meta f’waħda mil-lokalitajiet ta’ pajjiżna, wieħed mill-kunsillera tal-lokal ħa l-inizjattiva bil-għan li ċ-ċiklisti jkollhom sostenn meta jsibu ruħhom f’xi diffikultà. Din l-inizjattiva tikkonsisti minn twaħħil ta’ faċilitajiet, inkluż għodod u pompa tal-arja, li jistgħu jagħmlu użu minnhom iċ-ċiklisti li jaffaċċjaw ħsara waqt li jkunu għaddejjin bir-rota.

Din hija l-ewwel sistema tax-xorta tagħha f’pajjiżna, li se toffri għajnuna f’waqtha lil min jiġi bżonnha fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata u mingħajr ebda ħlas. Dan jinkoraġġixxi l-użu tar-roti bħala trasport alternattiv li ma jħammiġx l-ambjent.

Faċilità oħra, minbarra dik tat-tiswija, hija li ntramaw spazji apposta fejn wieħed jista’ jħalli r-rota jew l-iscooter b’mod sigur. U b’hekk jiġi evitat li dawn il-mezzi ta’ trasport ħafif, ma jitħallewx iktar mitluqa fejn ġie ġie, partikolarment fuq bankini b’periklu għal min ikun għaddej mill-inħawi.

Inizjattivi bħal dawn għandhom mhux biss jiġi mfaħħra imma wkoll inkoraġġiti sabiex bl-eżempju tagħhom iwasslu individwi oħrajn u anke lill-Kunsilli Lokali biex huma wkoll jintroduċu servizzi bħal dawn li anki jekk żgħar ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadin. B’hekk tissaħħaħ iktar il-komunità f’dik li hi solidarjetà ma’ xulxin.
Quddiem inizjattivi bħal dawn, l-istat mhux biss għandu jirrikonoxxihom imma wkoll jgħinhom fejn u kif meħtieġ. Fuq kollox, l-għan ewlieni tal-Kunsilli Lokali huwa li jkunu ta’ sostenn għall-komunitajiet u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini li huma jirrappreżentaw.

Affarijiet bħal dawn għandhom ikunu parti integrali mill-viżjoni tal-Kunsilli Lokali għas-snin li ġejjin biex jaqdu u jwessgħu aktar is-servizzi komunitarji li diġà qed joffru u b’hekk jagħmlu iktar sens mill-irwol li huma ġew afdati bih biex jaqdu liċ-ċittadini.

Sport