Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett flimkien mad-diriġenza tal-Malta Air Traffic Services (MATS) żaru ż-żona l-istazzjon tal-VOR ġewwa Kerċem, Għawdex fejn inawguraw l-installazzjoni ta’ għajnuna għan-navigazzjoni VOR/DME ġdida għal din il-gżira.
B’investiment ta’ €700,000, is-sistema installata bidlet dik ta’ qabilha, li kienet ilha tintuża ’l fuq minn 30 sena. Permezz ta’ din is-sistema ġdida ser ikun qed titjieb b’mod sinifikanti s-sigurezza u l-effiċjenza tat-titjiriet fuq dan ir-reġjun. Il-VOR (VHF Omni-directional Range) jipprovdi lill-ajruplani u inġenji oħra tal-ajru b’informazzjoni preċiża tal-“bearing” billi jibagħtu sinjal direzzjonali li jgħin lill-bdoti jiddeterminaw il-pożizzjoni tagħhom relattiva għall-istazzjon VOR. Barra minn hekk, id-DME (Tagħmir tal-Kejl tad-Distanza) jikkalkula d-distanza tal-inġenju tal-ajru mill-istazzjon billi jibgħat u jirċievi sinjali, li jippermetti kejl preċiż tad-distanza.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Chris Bonett qali li l-installazzjoni ta’ din is-sistema ġdida VOR/DME f’Għawdex hija pass sinifikanti ’l quddiem fl-isforzi kontinwi tagħna biex intejbu l-infrastruttura nazzjonali tal-avjazzjoni. “Impenjati li ninvestu f’teknoloġija avvanzata biex nappoġġaw it-tkabbir u l-iżvilupp tas-settur tal-avjazzjoni tagħna u għalhekk dan l-investiment jenfasizza l-impenn tagħna li nżommu l-ogħla standards ta’ sigurezza u affidabbiltà tal-avjazzjoni f’pajjiżna”, qal il-Ministru Bonett.
Min naħa tiegħu, iċ-Chief Technical Officer tal-MATS, Jesmond Farrugia spjega kif din is-sistema ġdida hija l-unika tax-xorti tagħha f’pajjiżna u anka l-unika fiċ-Ċentru tal-Mediterran. Għalhekk din tkompli tenfassizza l-valur ta’ dan l-investiment hekk kif din is-sistema qed tkopri l-Mediterran kollu. Kemm is-sistemi VOR kif ukoll DME jxandru l-identifikatur “GZO” fil-kodiċi Morse, u jiżguraw rikonoxximent faċli mill-piloti.