Saturday, July 20, 2024

GĦALIEX DAN IS-SKIET FUQ MEWT TA’ ĦADDIEM?

Aqra wkoll

Kellu 31 sena. Kien jgħix f’Ħal Qormi. Ħareġ għal ġurnata tax-xogħol biex jaqla lira għall-familja u tilef ħajtu traġikament meta ħa xokk waqt li kien qed jarma
‘scaffolding’ f’San Ġiljan. Ftit ħin wara nsiru nafu li l-ħaddiem hu mis-Somalja.
Snin ilu dawn it-traġedji f’pajjiżna kienu jkunu diskussi.

Kienu jkunu fuq l-aġenda. Il-ħasra kienet li jiġu diskussi għal ftit żmien u jintesa’ kollox, sakemm tasal it-traġedja li jkun imiss. Illum għandna sitwazzjoni, li marret lura.

Lanqas għadna niddiskutu ċerti traġedji li jseħħu fuq il-postijiet tax-xogħol. Aqbad il-gazzetti, portals u mezzi oħrajn u ara x’diskussjoni jkun hemm meta xi ħaddiem barrani jmut fuq il-post tax-xogħol. Skiet perfett. Imut ħaddiem u litteralment ikun meqjus biss bħala statistika. Numru. Ħaddiem ieħor mitt.

Biex nitfgħu aktar il-melħ fuq il-ferita, każ li jinvolvi xi annimali, jagħmel aktar ħoss minn meta jmutu persuni barranin jew immigranti fuq il-post tax-xogħol.
Din turik ħaġa waħda. Li l-empatija fis-soċjetà tagħna niżlet fil-qiegħ. Għandna soċjetà li litteralment iddawwar wiċċha quddiem dawn ittraġedji. Tinjora. Tkun passiva.

Irridu nistaqsu għaliex? Għax dan Somalu? Għax Afrikan? Għax iswed? Għax
l-importanti li ddur l-ekonomija? Limportanti li jkun hawn ix-xogħol u
ninsew xi kwalità u x’kundizzjonijiet tax-xogħol qed jingħataw?

Ħaddiem jibqa’ dejjem ħaddiem. Ġej minn fejn hu ġej. Hu x’inhu l-kulur tal-ġilda
tiegħu. Immaterjalment minn kif ġie u kif spiċċa f’pajjiżna. U meta naraw dan is-skiet taqtgħu b’sikkina ma nistgħux ma nistaqsux fejn huma l-awtoritajiet? Fejn
hi l-Awtorità għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol?

Fejn huma l-partiti politiċi? Fejn huma l-istituzzjonijiet li tistenna li jitkellmu fuq
dawn it-traġedji? Fejn huma dawk li suppost għandhom għal qalbhom il-valur tal-ħajja umana? X’qed jiġri? Aljenati fuq ħafna affarijiet frivoli?

Moħħna biss fuq flus, suq u ekonomija? Jiddispjaċina ngħidu li konna nistennew li fuq l-imwiet ta’ ħaddiema barranin, stennejna reazzjonijiet qawwija. Reazzjonijiet biex każijiet bħal dawn naraw li ma jiġrux aktar.

Kif nistgħu nħallu għaddejjin traġedji bħal dawn. Fejn familji sfaw iltiema. Familji, li se jibqgħu b’dulur għal għomorhom b’dak li ġara. Irridu naraw awtoritajiet aktar
b’saħħithom li joħorġu jitkellmu b’qawwa kontra traġedji bħal dawn. Fuq kollox irridu naraw kampanji regolari dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Irridu naraw miżuri qawwija ta’ infurzar, biex l-perikli jitnaqqsu. Jiddispjaċina ngħidu li għadna naraw fit-toroq tagħna, ħaddiema jaħdmu jew esposti għall-periklu. Għadna nkunu ħafna u ħafna aktar viġilanti.

Hi ta’ tħassib li donnu l-messaġġ li tieħu quddiem dan is-skiet hu da ta’ x’tistenna li fil-kostruzzjoni ma jsirux traġedji? Qisu qtajna qalbna li din il-pjaga ta’ traġedji ta’ ħaddiema barranin li jmutu fuq il-post taxxogħol tieqaf. Qisha indrat. U bla
dubju min jaf kemm hawn min jgħid u ija mhux barrani kien.

Dan hu l-mod kif hawn min jirraġuna. Raġunament sforz il-perċezzjonijiet u l-isterjotipi li żdiedu f’pajjiżna. Żdiedu għax qatt ma ġew trattati. Anzi ħaddiem barrani jew immigrant spiss naraw kif niddemonizzawh.

U quddiem sitwazzjoni kull ma rridu nagħmlu nistennew. Ma jdumx ma jkollna it-traġedja li jmiss. Li tkun tfisser ħaddiem ieħor spiċċa katavru. Hemm ċans ikun ħaddiem missier li spiċċa katavru. Familtu tispiċċa imkissra. Nitkellmu fit-traġedja li jmiss

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport