Monday, July 15, 2024

Euro 2024: Il-Ġermanja mal-aħħar tmienja

Aqra wkoll

ĠERMANJA…………2     

DANIMARKA ……..0

Il-pajjiż organizzatur tal-Euro 2024, il-Ġermanja, għaddew għall-kwarti-finali meta għelbu lid-Danimarka bl-iskor ta’ 2-0 biex issa jilagħbu kontra r-rebbieħ bejn Spanja u Georgia, nhar il-Ġimgħa li ġej.

Appena għaddew erba’ minuti, il-Ġermanja ħasbu li fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, Nico Schlotterbeck xeħet bir-ras fix-xibka iżda l-goal ġie annullat minħabba li Joshua Kimmich kien qed jimblokka difensur Daniż waqt l-azzjoni.

Eventwalment, il-Ġermaniżi ddominaw l-ewwel taqsima iżda ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja.

Għaxar minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, ir-referee Michael Oliver, issospenda l-partita minħabba maltempata qaw­wija li ħakmet l-inħawi tal-istadium. Din is-sospensjoni damet madwar kwarta.

Fis-37 minuta, il-goalkeeper Daniż, Kasper Schmeichel, evita goal ċert meta wettaq save kbir fuq daqqa ta’ ras ta’ Kai Havertz. Minuta wara, Schlotterbeck ta l-illużjoni tal-goal meta x-xutt tiegħu ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Ir-reazzjoni tad-Daniżi kienet waħda mmedjata iżda minn pożizzjoni ideali, Rasmus Hojlund falla l-mira minn qagħda ideali.

Fil-ħin miżjud l-istess Hojlund seta’ għamel aħjar meta ġie żmarkat minn Thomas Delaney peró ġie antiċipat mill-goalkeeper Ġermaniż, Manuel Neuer.

Fit-48 minuta, id-Daniż Joachim Andersen kellu goal imħassar għal pożizzjoni ta’ offside … u ħames minuti wara ġie penalizzat li mess il-ballun b’idu fil-kaxxa tiegħu mill-cross ta’ David Raum. Mill-11-il metru, KAI HAVERTZ ma żbaljax.

Peró, fid-59 minuta, l-istess Havertz għamel l-impossibbli meta tela’ waħdu u quddiem Schmeichel xeħet barra.

Fit-68 minuta, JAMAL MUSIALA rdoppja għall-Ġermanja meta minn cross fit-tul għeleb in-nasba tal-offside biex antiċipa l-ħarġa ta’ Schmeichel billi xeħet fir-rokna tax-xibka.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport