Monday, May 13, 2024

Inawgurata t-trakka tal-go karts tal-Island Karting Club f’Ħal Far

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, flimkien mat-tmexxija ta’ Infrastructure Malta u l-President tal-Island Karting Club Jason Mangion, żar it-trakka l-ġdida tal-go karts f’Ħal Far, li saret b’ħidma kollaborattiva bejn il-klabb u Infrastructure Malta, li għenet fil-finanzjament ta’ din it-trakka. L-investiment totali laħaq il-€550,000.

Il-Ministru Ian Borg waqt id-diskors tiegħu

Il-Ministru Ian Borg qal, “Ninsab kburi li għandna gvern impenjat li jinvesti f’kull komunità. Il-komunità sportiva hija ċentrali hawn Malta. Għandna ħafna nies b’ħiliet sportivi differenti u dedikazzjoni, u għandna ħafna nies li jħobbu jsegwu l-isport. Illum, grazzi għall-impenn tal-Island Karting Club u l-għajnuna ta’ Infrastructure Malta, pajjiżna għandu trakka tal-go karts twila 937 metru u ta’ livell internazzjonali. Bħalma għamilna hawnhekk, fl-Imtaħleb, fil-grawnds u l-klabbs tal-futbol tas-Siġġiewi, il-Kalkara, Ħad Dingli, ix-Xgħajra, Marsaskala, fil-klabbs tal-boċċi tal-Birgu u Ħaż-Żebbuġ, fil-klabbs tar-Regatta ta’ Bormla u Birżebbuġa, u jekk nibqa’ nsemmi ma nieqfu qatt, se nkomplu ninvestu fil-komunità sportiva tagħna biex ikollna livell tal-għajxien aħjar f’pajjiżna. Nawgura lil dawk kollha li se jibbenefikaw minn din it-trakka.”

Fost ix-xogħol li sar fuq din it-trakka, kien hemm tindif ta’ ħamrija, xogħlijiet infrastrutturali ta’ servizzi ta’ ilma u dawl, asfaltar, għamara ta’ sigurtà u ħamrija fir-run-off areas favur is-sigurtà tax-xufiera li jkunu qegħdin itellqu. Din it-trakka ġdida se tippermetti opportunitajiet ġodda għal taħriġ u tlielaq aktar sikuri, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kategoriji bħal KZ li qabel qatt ma kien hawn faċilitajiet adekwati għalihom. L-użu tat-trakka se jinkludi wkoll il-mini moto u l-motards, kif ukoll użu għal testing mill-istudenti Universitarji li jiżviluppaw go kart bħala parti mill-esperjenza tagħhom.

Sport