Sunday, December 22, 2024

Inawgurata ż-żona tal-kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali

Aqra wkoll

Żona li sa ftit snin ilu kienet impjant tal-konkos miksi b’tunnellati ta’ materjal tal-kostruzzjoni mormi illegalment, issa ġiet żviluppata kompletament mill-ġdid fi spazju miftuħ li se joffri l-faċilitajiet kollha possibbli biex jistgħu jittellgħu attivitajiet tal-massa tal-ogħla livell.

Din iż-żona f’Ta’ Qali, li se tkun qiegħda tintuża għall-kunċerti kif ukoll se sservi bħala spazju ta’ rikreazzjoni għall-pubbliku meta fiha ma jkunux qed isiru attivitajiet, kienet inawgurata lbieraħ filgħaxija mill-Prim Ministru Robert Abela. Proġett li sar b’investiment ta’ xejn inqas minn €16-il miljun.

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif iż-żona tal-kunċerti fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali hi mgħammra bl-aqwa teknoloġija u faċilitajiet biex tilqa’ fiha kunċerti tal-ogħla livell u attivitajiet tal-massa.

Fost dawn il-faċilitajiet, din iż-żona se jkollha dressing rooms u backstage taħt l-art, klinika, control room tas-sigurtà, żewġ design kiosks u 144 toilet u 180 kamra għas servizzi sanitarji.

Minbarra hekk, l-ilma kollu għal din iż-żona se jittella’ minn ġibjun kbir li jinsab taħt l-ispazju aħdar tal-istess park. Iż-żona se tkun mgħassa b’kameras tas-sigurtà 24 siegħa kuljum. Din iż-żona hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna u fl-aħħar kwart ta’ din is-sena mistennija tilqa’ fiha l-ewwel minn sensiela ta’ kunċerti internazzjonali.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett li spjega kif dan il-post jissimbolizza l-impenn bla waqfien tal-Gvern fil-ħidma tiegħu għal bidla proattiva li twassal għat-titjib tal-mod kif ngħixu u naħdmu.

“Dan il-proġett jinkorpora d-dedikazzjoni tagħna għall-iżvilupp sostenibbli filwaqt li jiżgura li l-futur kollettiv tagħna huwa mibni fuq il-prinċipji tal-innovazzjoni, ir-responsabbiltà u l-inklussività. Dan il-proġett huwa xhieda ta’ Gvern tassew iddedikat għall-progress u t-titjib tas-soċjetà,” qal il-Ministru Bonett.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal: “Inħares ‘il quddiem li l-Maltin u Għawdxin iżuru dan il-ġmiel ta’ post. Nemmen li mhux se jkun biss il-post fejn it-tfal, iż-żagħżagħ, familji u l-anzjani Maltin u Għawdxin jiġu jirrilassaw, imma ukoll post fejn tista tagħmel memorji sbieħ li nġorru matul ħajjitna fl-akbar spazju miftuħ li wettaq dan il-gvern f’pajjiżna.”

Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, Jason Micallef, qal li “ż-żona tal-kunċerti u park rikreattiv ġdid għall-famillji, iżid mal-kullana ta’ spazji ħodor ġodda fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta Qali. Dan skont il-viżjoni u l-pjan tagħna li f’Ta’ Qali titwettaq l-akbar riġenerazzjoni fuq spazji ħodor f’pajjiżna.”

Biex tkun iċċelebrata din l-okkażjoni, bejn is-Sibt u l-Ħadd, il-pubbliku jista’ jattendi għall-Open Weekend li se tkun qed issir proprju fiż-Żona tl-Kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. Attività li se tinkludi fiha divertiment, mużika u attivitajiet għall-familja kollha.

Ekonomija

Sport