Thursday, November 28, 2024

Inawgurati l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) tista’ tmexxi ’l quddiem inizjattivi ambizzjużi f’Għawdex biex l-ekonomija ta’ din il-gżira tkun tal-ewwel li tagħmel il-qalba favur carbon neutral.

Waqt li kien qed jinawgura uffiċini ġodda tal-Awtorità fir-Rabat Għawdex, il-Prim Ministru fisser il-GRDA bħala għodda biex tagħti l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi għal din il-ġenerazzjoni.

Il-Prim Ministru wera s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol li qed twettaq din l-Awtorità li l-għan tagħha hu li tagħti viżjoni għall-ġejjieni ta’ Għawdex. Tenna li l-fatt li din l-Awtorità twaqqfet fl-eqqel tal-pandemija turi biċ-ċar li meta ffaċċjat bl-isfidi, dan il-Gvern iħares ’il quddiem biex jegħlibhom u jwettaq viżjoni aktar għat-tul, li twassal għal aktar suċċessi f’pajjiżna.

Dr Abela saħaq li Għawdex huwa fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern u kif diġà sar investiment bla preċedent f’diversi oqsma, il-Gvern kommess li jkompli jimplimenta aktar miżuri u jattira aktar investiment li jibqa’ jwassal għal aktar tkabbir ekonomiku f’din il-gżira.

Il-Prim Ministru semma wkoll kif qed jsir investiment mill-Gvern biex jiġi inċentivat il-privat fejn fl-aħħar tliet snin, f’Għawdex biss, il-Malta Enterprise għenet madwar elf negozju f’inizjattivi maħsuba biex isaħħu u jkabbru l-operat tagħhom u ngħataw €17-il miljun f’għajnuniet.

“Bħala Gvern kommessi li Għawdex ikun mutur ewlieni tal-progress ekonomiku u soċjali. Għalina Għawdex huwa parti essenzjali tal-bidla li rridu naraw f’pajjiżna lejn kwalità ta’ ħajja aħjar”, sostna l-Prim Ministru filwaqt li stqarr li l-GRDA għandha rwol kruċjali f’dan il-kuntest għaliex minbarra li qed tiżviluppa strateġija ta’ żvilupp reġjonali għal Għawdex, għandha wkoll l-awtorità li tħares l-interessi t’Għawdex kull meta ikun hemm deċiżjonijiet politiċi jew proġetti li jistgħu jaffetwaw lil din il-gżira.

Waqt l-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fejn spjega kif l-akbar proġett li ħadmet u għadha qed tkompli taħdem fuqu l-Awtorità huwa dak tal-Gozo Regional Airfield. Il-Gvern jemmen fil-potenzjal ta’ Għawdex u l-istudji indipendenti li saru mill-Awtorità kollha jindikaw li dan il-proġett huwa fattibbli, għaldaqstant ġiet sottomessa l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Ministru Camilleri spjega wkoll kif fix-xhur li ġejjin, l-Awtorità se tassumi aktar responsabbiltajiet li ser ikomplu jgħollu l-profil u jistabbilixxu aktar id-dimensjoni tagħha. Dan għaliex l-GRDA ser tkun qed tikkordina l-pjan ta’ kif ser jiġu utilizzati b’mod effiċjenti s-€60 miljun li ġew allokati taħt il-fond Żvilupp Sostenibbli fl-Urban.

Mario Borg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità qal li tul dawn l-aħħar sentejn, l-Awtorità rnexxielha tistabbilixxi ruħha bħala entità ewlenija f’Għawdex. Semma kif fost oħrajn l-Awtorità ħadmet fuq bosta policies u proġetti relatati ma’ żvilupp soċjo-ekonomiku iktar sostenibbli, kif ukoll waqqfet strutturi li permezz tagħhom jinżamm kuntatt kontinwu mal-istakeholders kollha.

Matul il-jum tal-Ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ numru ta’ rappreżentanti tal-imsieħba soċjali Għawdxin. Ir-rappreżentanti nnutaw b’sodisfazzjon li l-miżuri li qed jieħu l-Gvern f’Għawdex qed iħallu impatt pożittiv fosthom fit-turiżmu u jħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma li tkompli tkattar il-ġid.

Sport