Monday, March 18, 2024

Professur Afgan jiġi arrestat “għax ipprova jeduka nisa u tfajliet”

Aqra wkoll

Il-Professur Ismail Mashal ġie arrestat mill-forzi tat-Talibani wara li ġie akkużat li kien qed jeduka nisa u tfajliet. Hu ġie arrestat fil-kapitali Kalub waqt li kien qiegħed iqassam kotba b’xejn (ritratt).

Hu tkellem kontra l-liġi l-ġdida li biha l-Gvern tat-Talibani waqqaf lin-nisa u tfajliet milli jattendu skejjel sekondarji u anke universitajiet. Prof. Mashal li għandu 37 sena ġie akkużat li bl-azzjonijiet tiegħu wettaq provokazzjoni kontra l-liġijiet tal-pajjiż.

Il-Ministru tal-Informazzjoni u Kultura Afgan, Abdul Haq Hammad, qal li l-Prof. Mashal ipprova jiġbor grupp ta’ ġurnalisti fit-toroq prinċipali ta’ Kabul biex joħloq konfużżjoni.

Xhieda li kienu fuq il-post waqt li kien qed jiġi arrestat qalu lill-midja internazzjonali li waqt l-arrest il-Professjur ġie msawwat u anke mixħut mal-art mill-forzi tas-sigurtà Afgani. Minkejja dawn l-akkużi l-Ministru Haq Hammad qal li l-Professur qiegħed jiġi trattat b’mod tajjeb mill-pulizija.

Il-Professur Mashal li hu eks ġurnalista jmexxi università privata f’Kabul fejn mill-inqas hemm 450 tfajla jistudjaw il-ġurnaliżmu, ix-xjenza fost suġġetti oħrajn. F’Diċembru li għadda hekk kif il-Gvern Taliban ma ħalliex aktar nisa u tfajliet jattendu skola, il-Prof. Mashal iddeċieda li jagħlaq l-università.

Ekonomija

Sport