Friday, December 13, 2024

Inawgurati laboratorji tad-dijanostika b’investiment ta’ aktar minn €500,000

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo inawgura l-laboratorji tad-dijanostika b’investiment ta’ aktar minn €500,000.

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif permezz ta’ dawn il-laboratorji, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti se jkun jista’ jittestja l-kampjuni li jittieħdu mis-siġar u l-pjanti f’Malta stess. Sa ftit ilu, sabiex id-Direttorat ikun jaf li l-pjanti huma ħielsa minn mard infettiv, riedu jintbagħtu kampjuni f’laboratorji barra minn pajjiżna u b’hekk kien qed jinħoloq dewmien bla bżonn, bi spejjeż ferm akbar.

Rtratt: Omar Camilleri

“Permezz ta’ dan l-investiment kruċjali, li kien ukoll miżura fil-Baġit, se jgawdi kulħadd minnu. Kemm il-ħaddiema li se jaħdmu f’ambjent aktar sigur, kemm id-Direttorat li se jkollu riżultati aktar malajr u għalhekk tiżdied l-effiċjenza, kif ukoll is-settur agrikolu li se jkollu riżultati f’iqsar żmien,” tenna l-Ministru Anton Refalo.

Id-Direttur fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, Dennis Sciberras, spjega kif fost ix-xogħlijiet kien hemm it-tfassil tal-kmamar sabiex ikunu konformi mal-istandards internazzjonali tal-laboratorji. Barra minn hekk ġiet installata  sistema ta’ ventilazzjoni sabiex tilqa’ għal kull riskju li jista’ jkun hemm. Spjega wkoll li nxtrat għamara apposta għall-laboratorji kif ukoll apparat speċjalizzat għall-analiżi tal-kampjuni.

Ekonomija

Sport