Saturday, April 27, 2024

Tirritorna l-kampanja nazzjonali biex tkompli tqajjem kuxjenza kontra t-tniġġis tal-baħar

Aqra wkoll

Il-kampanja popolari għall-protezzjoni tal-ibħra ‘Saving Our Blue’ qed tirritorna għar-raba’ edizzjoni tagħha, kampanja bil-għan li tkompli tqajjem kuxjenza kontra t-tniġġis tal-baħar u ssostni l-importanza ta’ deċiżjonijiet sostenibbli, partikolarment biex ikompli jitnaqqas l-użu tal-plastik li jintuża darba biss.

L-iskart li qed jispiċċa fl-ibħra qed ikun ta’ theddida għall-ekosistemi essenzjali għall-ħajja u l-għajxien tal-poplu.

Is-suċċess ta’ din il-kampanja għalhekk jiddependi fuq kemm aktar nies jiġu mħeġġa jagħżlu prodotti alternattivi u sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum.

Ritratt: Clodagh O’Neill

Din is-sena wkoll daħlet fis-seħħ il-projbizzjoni ta’ distribuzzjoni u bejgħ ta’ dawn l-oġġetti magħmula mill-plastik li jintuża darba biss.

Il-kampanja tolqot lill-pubbliku inġenerali permezz ta’ diversi inizjattivi, fosthom anke studenti ta’ bejn is-sitt u l-għaxar snin b’kollaborazzjoni maċ-ċentri ta’ Skola Sajf f’Malta u f’Għawdex.

Fil-fatt se tkun għaddejja kampanja edukattiva dwar il-perikli li l-iskart jista’ joħloq fl-ibħra tagħna. Il-mascot ta’ din il-kampanja hija Maggie, il-fekruna tal-baħar li se toħloq kuxjenza permezz ta’ sensiela ta’ episodji dwar l-avventuri tagħha.

Taħt il-kappa ta’ din il-kampanja, se jkunu organizzati diversi beach clean-ups kif ukoll dive clean-ups madwar il-bajjiet f’Malta u f’Għawdex bis-sehem ta’ diversi entitajiet governattivi, għaqdiet volontarji u kumpaniji privati.

Ritratt: Clodagh O’Neill

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli ħeġġet lill-pubbliku biex filwaqt li jipparteċipa fil-cleanups li se jkunu qed jiġu organizzati, jagħmel il-parti tiegħu wkoll billi juża prodotti alternattivi.

“Permezz tal-kampanja Saving Our Blue se nkomplu nqajmu aktar kuxjenza dwar l-importanza li nipproteġu l-baħar u l-ekosistemi tal-baħar. Importanti li kull wieħed u waħda jagħmel il-parti tiegħu u jagħmel għażliet  sostenibbli u niddisponu mill-iskart kif suppost,” qalet il-Ministru Dalli.

Statistika turi li l-aktar skart komuni miġbur waqt clean-ups fuq il-bajjiet lokali huma l-loqom tas-sigaretti, fliexken tal-plastik, kuċċarini, straws, tappijiet tal-fliexken u tazzi.

Il-pubbliku interessat li jipparteċipa f’din il-kampanja huwa mistieden li jagħmel kuntatt fuq il-pjattaforma soċjali Saving Our Blue għal iktar informazzjoni kif ukoll dwar l-inizjattivi li ser jkunu qed isiru fis-seħħ matul din ir-raba’ edizzjoni tal-kampanja.

Preżenti għat-tnedija kien hemm l-entitajiet governattivi Ambjent Malta, Parks Malta u ERA, kif ukoll l-NGOs Żibel u Nature Trust.

Sport