Thursday, October 10, 2024

Inawgurati sitt xelters għall-qtates

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem inawgura numru ta’ sitt cat shelters li ser jiġu mifruxa ma’ siti differenti f’dan il-lokal, fosthom f’Ta’ Passi, fil-playingfield tal-Gudja, Triq Baħħara, Triq Xprunara, Fuq il-Għajn u fl-inħawi tat-Torri. 

Dan il-proġett jiswa €6,287, li għalih il-Kunsill ingħata s-somma ta’ €5,000 mill-iskema tal-LC Care Project 2019. Din l-iskema ġiet imnedija mill-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali. Din il-grant tinkludi wkoll il-proċess ta’ cat neutering kif ukoll it-tqassim tal-ikel lil cat feeders. Il-proġett ta’ cat café huwa immirat sabiex iservi bħala proġett pilota u eventwalment jikber u jiġi mifrux fuq lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo rrefera għal-laqgħa li saret ftit tal-ġimgħat ilu, li kienet titratta fondi li d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali nieda biex jikkunsidraw għajnuna u inċentivi lill-kunsilli lokali li joħorġu b’ideat ġodda u proġetti pożittivi fl-interess tal-annimali, partikolarment l-istrays fil-lokalità rispettiva.

Il-proġett LC Care għandu l-għan li jappoġġja lill-kunsilli lokali biex jieħdu ħsieb il-kura tal-annimali fi proġetti li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-benesseri tal-annimali. Fost l-oqsma ta’ prijorità għall-għotjiet fl-2020 hemm il-cat cafes.

Dan il-proġett għandu l-għan li jassisti fil-progress ta’ prattiċi tajbin ta’ maniġġjar tal-annimali, isaħħaħ in-network tat-trattament tal-benesseri tal-annimali, il-kwalità tal-kura u r-rijabilitazzjoni tas-servizzi għall-komunità. Għan ieħor hu li jiġu provduti faċilitajiet imtejba tal-annimali.

Il-proġett imur lil hinn minn hekk u għandu l-għan li jara li jittejjeb il-provvediment ta’ edukazzjoni komunitarja. Programmi simili, inkluż żvilupp ta’ materjal meħtieġ fir-rigward tal-benesseri u l-kura tal-annimali, isiru iktar aċċessibbli. Irid jara wkoll li tittejjeb ir-relazzjoni bejn id-direttorat, ir-residenti u l-kunsilli lokali.

Sport