Sunday, December 22, 2024

Inawgurati żewġ vetturi oħra għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xemxija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri inawgura żewġ vetturi oħra ġodda għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, liema vetturi jlaħħqu l-€1.2 miljun.

Fil-fatt, il-ministru inawgura BA tender, vettura intiża biex tisuplixxi lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’numru kbir ta’ ċilindri tan-nifs li jintużaw kemm-il darba jkun meħtieġ waqt xi operazzjoni. Permezz ta’ din il-vettura, dawn iċ-ċilindri jkunu jistgħu jerġgħu jiġu mimlija fuq il-post grazzi għat-teknoloġija li hi mgħammra biha.

It-tieni vettura hija lighting unit li se tgħin lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jixegħlu ż-żona ta’ emerġenza. Din il-vettura tista’ tisuplixxi wkoll faċilitajiet sanitarji u provvista ta’ ilma għax-xorb waqt li tkun għaddejja xi operazzjoni li tkun ġejja fit-tul.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Camilleri qal li attivitajiet bħal ta’ dalgħodu huma tfakkira importanti li l-investimenti f’entitajiet bħal fil-Protezzjoni Ċivili ma jistgħux jieqfu. “Il-mument li nieqfu ninvestu fil-Protezzjoni Ċivili jkun il-mument li nieqfu ninvestu fin-nies u fis-sigurtà tagħhom.”

Dr Camilleri qal li l-impenn tal-gvern huwa li jibqa’ jixtri l-aħjar apparat possibbli ħalli l-Protezzjoni Ċivili tibqa’ twieġeb għas-sejħiet bl-aħjar mod u bl-aqwa għodda għall-ħaddiema tagħha. Il-ministru semma li tul din il-ġimgħa, f’wieħed mill-aħħar episodji fejn il-Protezzjoni Ċivili ssejħet biex tintervjeni f’waħda mill-fabbriki f’Kordin, wieħed seta’ josserva mill-viċin ħidmet il-membri ta’ dan id-dipartiment. “Ninsab ċert, mhux biss għax intqal lili dan, li l-investimenti kollha li għamilna zgur li għenu sabiex ir-risposta għal dik l-emerġenza tkun waħda mhux biss immedjata, imma waħda li titwieġeb bl-aħjar mod,” saħaq il-ministru.

Fl-aħħar nett, Dr Camilleri qal li apparat bħal tal-lum huwa importanti li jinxtara għax fil-ħajja qatt ma taf x’jista’ jinqala’ u ma’ xiex tista’ tiltaqa’.

Ekonomija

Sport