Saturday, December 28, 2024

Inawgurazzjoni ta’ pittura titulari ġdida għall-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara

Aqra wkoll

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qegħdin isiru fil-Kalkara fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa, illum il-Ħadd 6 ta’ Awwissu, festa liturġika tas-Salvatur, ġiet inawgurata pittura titulari ġdida fil-Kappella tas-Santissimu Salvatur fl-istess lokalità. Din il-pittura turi t-trasfigurazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu u hija mpittra bi stil u kuluri kumplimentari għal din il-Kappella mill-pittur rinomat Paolo Camilleri Cauchi.

Riċerki juru li qabel l-1487 ġiet mibnija Knisja ddedikata lis-Salvatur fuq il-peniżola tar-Rnella, il-Kalkara. Viżti Pastorali jindikaw li l-Gran Mastru Jean Parisot de La Valette ordna t-twaqqiegħ tagħha fl-Assedju l-Kbir tal-1565 biex ma sservix ta’ tarka għall-armata Ottomana. Fl-1580 il-Knisja reġgħet inbniet minn Claudio Abela u Davidde Burlò. Fl-1676 ġie midfun ġewwa fiha l-Balliju Fra Giovanni Bichi li kien miet bil-pesta. Għalhekk fl-1680 neputih Fra Mario Bichi waqqa’ u reġa’ bena mill-ġdid din il-Knisja preżenti fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà.

Fiha sar monument b’tifkira ta’ Fra Giovanni Bichi, filwaqt li l-kwadru titulari li kien juri s-Salvatur kien ġie mpitter minn Mattia Preti. Dan ġie misruq fl-1798 matul l-imblokk tal-Franċiżi. Il-festa kienet issir kull sena fis-6 ta’ Awwissu bit-tqassim tal-ħobż magħruf bħala għażżiela. Xogħol ta’ restawr estensiv tlesta f’Marzu 2009 filwaqt li fl-aħħar snin din il-Kappella qed terġa’ sservi biex fiha jiġu amministrati s-sagramenti.

Dalgħodu fid-9.30am saret ċelebrazzjoni fl-istess Kappella mill-E.T. Mons. Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali, fejn iqaddes quddiesa li matulha inkixef dan il-kwadru. Fi stqarrija maħruġa mill-Kappillan tal-Parroċċa Fr Brian Gialanzè ntqal li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed iservu sabiex il-komunità tal-Kalkara tagħraf tkompli tiġġedded u tinġabar flimkien biex taħt il-patroċinju ta’ San Ġużepp tagħti ġieh lil Alla tal-grazzji kbar li wettaq tul din il-medda tas-snin.

Ekonomija

Sport