Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar indirizzat iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni ta’ skultura tal-bronż ta’ Lu Yu – ‘A Tea Break on the Silk Road’ fil-Promenade ta’ Marsaskala, organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala f’kooperazzjoni mas-Soċjetà ta’ Ħbiberija Malta-Ċina, fejn enfasizzat li l-arti u l-kultura għandhom rwol importanti biex iressqu lill-popli aktar lejn xulxin u jsaħħu l-valuri tar-rispett, tad-djalogu u tal-ugwaljanza.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru qalet li din l-iskultura hija simbolu tal-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u tfakkira tal-importanza tal-iskambju kulturali fil-bini ta’ relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-pajjiżi. Hija rrimarkat li l-kultura għandha l-ħila tgħaqqad lin-nies lil hinn mid-differenzi, filwaqt li tispira djalogu, koperazzjoni u rispett reċiproku.
Il-Ministru Rosianne Cutajar spjegat li Lu Yu, magħruf bħala s-Sage of Tea u awtur ta’ The Classic of Tea, huwa figura li tul is-sekli ġiet assoċjata mal-armonija, l-ospitalità u l-għaqda bejn il-popli. Enfasizzat li l-iskambju ta’ ideat, tradizzjonijiet u kulturi kien dejjem mezz biex jinbnew pontijiet ta’ ħbiberija u koperazzjoni bejn il-popli.
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina huma mibnija fuq storja twila ta’ ħbiberija u rispett reċiproku li tmur lura għall-viżjoni tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff, li kien strumentali biex jitqiegħdu l-pedamenti ta’ relazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi. Illum, dawn ir-rabtiet ikomplu jissaħħu permezz tal-koperazzjoni, tal-iskambju kulturali u tad-djalogu bejn il-popli.
Il-Ministru Rosianne Cutajar saħqet li Malta tibqa’ impenjata li tkompli tibni soċjetà bbażata fuq l-ugwaljanza, id-dinjità u r-rispett lejn kulħadd. Hija qalet li d-diversità kulturali tkompli ssaħħaħ u tarrikkixxi lis-soċjetà Maltija u li kull persuna għandha tingħata l-opportunità li tgħix f’ambjent mibni fuq l-inklużjoni u r-rispett reċiproku.
Il-Ministru Cutajar temmet tgħid li l-valuri tar-rispett, tal-ħbiberija u tal-fehim reċiproku huma importanti ħafna u għandhom jibqgħu jiggwidaw il-ħidma favur soċjetà aktar inklużiva u ugwali. Hija esprimiet ix-xewqa li l-iskultura ta’ Lu Yu tibqa’ xhieda dejjiema tal-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u tkompli tispira djalogu u koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.









