IŻ-ŻIEDA FIL-POPOLAZZJONI

0
1

Il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex kompliet tikber b’mod kostanti. Tant li fi tmiem is-sena li għaddiet, il-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin kienet stmata li tlaħħaq il-588,254. Din iċ-ċifra, li ġiet imħabbra lejliet il-Jum Dinji tal-Popolazzjoni, turi li l-għadd ta’ nies li jgħixu f’Malta żdied bi kważi 2.4% meta mqabbel ma’ kemm kienet tgħodd il-popolazzjoni fis-sena ta’ qabel.  

Madankollu, iż-żieda naturali filpopolazzjoni waqgħet drastikament minħabba tnaqqis fit-twelid ta’ trabi ħajjin minn residenti Maltin fl-istess waqt li kien hemm żieda fl-imwiet tan-nies. Hawn ikun tajjeb li wieħed jistaqsi kif dawn iċ-ċifri se jirriflettu fuq il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna u jekk hux se jikkawżaw pressjoni fuq l-infrastruttura domestika. 

Għalkemm ikun hawn min jikkritika bl-aħrax iż-żieda fil-popolazzjoni, partikolarment ta’ dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi, b’danakollu wieħed irid iżomm quddiem għajnejh illi l-istatistika qed turi illi jekk mhux se jiġu barranin fostna, l-ekonomija tista’ togħtor u magħha jitpoġġew fil-periklu l-benefiċċji u l-għajnuniet soċjali nkluż il-pensjonijiet. Ma nistgħux ninsew li Malta għadha tikklassifika ma’ tal-aħħar fost ilpajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’dik li hija rata ta’ twelidijiet. 

Allura xi ħadd irid jagħmel tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet. Għalhekk hija inutli kull kritika li ssir dwar iż-żieda fil-popolazzjoni għaliex jekk ma jkunx hekk min se jagħmel tajjeb għall-benefiċċji soċjali tal-ġejjieni. Huwa minnu li pajjiżna hu dak li hu kemm fid-daqs kif ukoll fir-riżorsi. Iżda kif inhuma ċ-ċirkostanzi preżenti ma nistgħux ngħaddu jekk ma jiġux fostna ħaddiema barranin mhux biss biex jimlew il-vakanzi fid-dinja tax-xogħol imma wkoll biex isostnu l-ekonomija ta’ pajjiżna. 

Huwa minnu wkoll li l-problema ta’ nuqqas ta’ twelidijiet mhijiex fenomenu ta’ Malta biss imma anke ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Dawn ukoll qed jaraw x’jagħmlu biex din il-problema jindirizzawha bl-aħjar mod li jistgħu. F’dan il-kuntest, l-Ewropa għandha wkoll tagħti kas dan il-fenemonu u kif tista’ tindirizzah. F’Malta, bħal donnu li l-Gvern irrealizza din il-problema u beda jindirizzaha. 

Tant hu hekk li fil-manifest elettorali Int Malta, li bih il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali fit30 ta’ Mejju li għadda, hemm għadd ta’ miżuri intenzjonati li jgħinu lill-familji u jiffaċilitawlhom il-proċess biex ikollhom l-ulied. B’danakollu, il-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd. Iktar u iktar meta llum ħafna nisa qed ifittxu karriera fid-dinja tax-xogħol minflok li jibqgħu fil-ħajja tradizzjonali ta’ kuljum li jrabbu lulied.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here