Saturday, December 21, 2024

Inawgurazzjoni tal-faċilitajiet ta’ servizzi childminding tal-Malta Business Registry

L-ewwel entità governattiva li toffri dan is-servizz lill-ħaddiema tagħha

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri inawgura l-faċilitajiet il-ġodda tas-servizzi ta’ childminding fi ħdan l-aġenzija Malta Business Registry, l-ewwel aġenzija governattiva li se tkun qed toffri dan is-servizz.

“L-inawgurazzjoni tal-lum tiftaħ il-bibien ta’ ħsieb innovattiv dwar kif dan il-gvern jindirizza l-interessi tal-ħaddiema. Permezz ta’ dan is-servizz, ħaddiema tal-gvern li jaħdmu fi ħdan l-entitajiet governattivi li tiġbor fiha l-Malta Business Registry se jkollhom rashom mistrieħa fejn iħallu t-tfal tagħhom fil-ħinijiet tax-xogħol. Dan se jpoġġi lil din l-aġenzija governattiva bħala punt ta’ referenza ewlieni u ta’ eżempju li għandhom jimxu fuqu entitajiet oħrajn”, qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri spjega li ġenituri ħaddiema li jaħdmu f’din il-binja jistgħu jġibu t-tfal magħhom minn fejn imbagħad jiġborhom il-vann direttament għall-iskola u viċe versa. B’dan il-mod jonqos l-iskariċċ għalihom kif ukoll ikollhom serħan il-moħħ kemm fil-bidu kif ukoll fit-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol tagħhom dwar ma’ min se jħallu t-tfal hekk kif dawn se jkunu taħt l-attenzjoni ta’ persuni professjonali. Iżjed minn hekk, dawn il-faċilitajiet jistgħu jintużaw anke fil-vaganzi tal-iskola, bħal f’Novembru, fil-Milied, fl-Għid u f’vaganzi oħrajn li matulhom il-ġenituri jinzertaw xogħol.

“Fl-isfond tas-suċċess ekonomiku li ksibna flimkien, inkluża l-aktar statistika riċenti li turi li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, bħala gvern irridu nassiguraw li dan is-suċċess jasal b’mod li verament jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tal-ħaddiema tagħna billi jkun hemm investimenti f’servizzi ta’ dan it-tip li joħolqu bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, kif ukoll iżjed miżuri aċċessibbli li jipproteġu l-familji tagħna. Għaldaqstant, l-appell tiegħi nestendih lis-settur privat fejn filwaqt li l-gvern qed ikun proattiv u jilqa’ b’mod b’saħħtu l-esiġenzi u t-talbiet tal-ħaddiema, ninkoraġġixxi wkoll lill-privat jieħu dak il-pass, li joffri servizzi ta’ dan it-tip u li jkun sieħeb importanti fil-mixja tagħna għal iżjed miżuri favur il-familja”, qal il-ministru.

Is-Sur Joseph Farrugia, Registrar u CEO tal-MBR qal, “Nemmnu li l-MBR għandha sservi ta’ mudell għal entitajiet oħrajn, speċjalment dawk pubbliċi bħalna, fejn jidħol it-tħaddim ta’ miżuri family-friendly. Dan iċ-ċentru jiffaċilita l-ħajja tal-impjegati ġenituri sabiex isibu bilanċ, kif jistgħu jagħtu ħidma kontinwa lil MBR mingħajr ma jħallu impatt fuq il-ħajja ta’ dawk ta’ madwarhom, partikolarment fuq it-tfal tagħhom”.

Ekonomija

Sport