Tuesday, March 26, 2024

L-Ewropa għandha bżonn tagħti nifs ġdid lill-ispirtu ta’ Ħelsinki

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li wasal iż-żmien li l-Ewropa ssejjaħ konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Mediterran, meta kien qed jindirizza l-Forum Mediterran: Chessboard Ġeostrateġiku, fi Bled, is-Slovenja, flimkien mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ Ċipru, il-Greċja, is-Slovenja u l-Portugall f’Bled, is-Slovenja.

Il-Ministru Bartolo qal li din il-konferenza tista’ tissejjaħ fl-2025, fil-ħamsin anniversarju tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa li kienet saret f’Ħelsinki fl-1975.

Il-Ministru Bartolo qal li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. L-Ewropa għandha bżonn terġa’ tqajjem l-ispirtu ta’ Ħelsinki mhux biss għall-Ewropa nnifisha iżda għal bosta reġjuni madwar id-dinja, tabilħaqq għall-benefiċċju tal-futur tal-pjaneta tagħna.

Il-Ministru Bartolo qal li l-Ewropa trid tiżgura li dak li ġara fl-Afganistan ma jirrepetix ruħu fil-Libja waqt li fakkar li r-rata ta’ immigrazzjoni illegali fil-Mediterran ċentrali hija ogħla minn inħawi oħra tal-Ewropa. L-Ewropa għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ superpotenzi oħra inkluż maċ-Ċina, waqt li żżomm f’moħħha li flimkien mar-rispett tal-bniedem jeżistu wkoll drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi għall-bnedmin kollha.

“Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej li 50 sena ilu għarfet uffiċjalment liċ-Ċina u matul is-snin bniet l-aħjar relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż”, qal il-Ministru Bartolo. Qal ukoll li irrispettivament minn gruppi politiċi, alleanzi jew blokki, aħna lkoll ġirien tal-pajjiżi kollha lejn it-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Lvant u l-Punent tagħna. Aħna sirna tant interkonnessi u interdipendenti li aħna lkoll ġirien ta’ xulxin fuq din il-pjaneta. Ħafna inizjattivi jittieħdu biex jiġbru flimkien pajjiżi li jaħsbuha l-istess, iżda d-djalogu u n-negozjati huma meħtieġa l-aktar ma’ dawk li l-inqas naqblu magħhom.

Il-Ministru Bartolo qal li l-ebda pajjiż wieħed jew grupp żgħir ta’pajjiżi waħedhom ma jistgħu jindirizzaw b’mod effettiv kwistjonijiet bħall-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran, flimkien mal-emerġenza klimatika, Covid-19 u pandemiji oħra, l-immigrazzjoni, pussess ikkontestat ta’ riservi ta’ enerġija, kriminalità organizzata , intelliġenza artifiċjali u awtomazzjoni, kummerċ u żvilupp.

L-inizjattiva tal-konferenza, qal il-Ministru Bartolo, tista’ tindirizza kwistjonijiet kumplessi bħal dawk fil-Lvant tal-Mediterran, il-Balkani tal-Punent, Ċipru, il-Lvant Nofsani, il-Libja. Il-kummerċ tal-armi kompla jirnexxi anke matul Covid-19 b’xi pajjiżi milquta ħażin isibu flus biex jixtru l-armi iżda mhux biżżejjed fondi biex isostnu s-sistemi tas-saħħa tagħhom u l-programm ta’ tilqim. Il-Ministru Bartolo qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni trid tiġi indirizzata b’mod komprensiv u jeħtieġ li nġibu ż-żewġt ixtut tal-Mediterran biex jaħdmu ħafna iktar mill-qrib flimkien dwar immaniġġjar effettiv tal-fruntieri, biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin, jirritornaw immigranti illegali lejn il-pajjiżi tagħhom, jipprovdu kenn għal dawk li jikkwalifikaw għall-ażil u jibnu termini ugwali ta’ kummerċ ma’ pajjiżi Afrikani biex joħolqu ġid u impjiegi għal dawk li jridu jfittxuhom fl-Ewropa.

L-Unjoni Ewropea ma tistax taffordja li tabbanduna l-Mediterran u l-Afrika fil-bieb tan-Nofsinhar tagħha għal potenzi globali u reġjonali oħra, enfasizza l-Ministru Bartolo.

Ekonomija

Sport