Nhar il‑Ġimgħa, 11 ta’ Marzu 2022, l‑Ispeaker tal‑Kamra tad‑Deputati Dr Anġlu Farrugia mexxa ċerimonja qasira li matulha ġiet inawgurata l‑Librerija tal‑Parlament.
F’diskors tal‑okkażjoni, l‑Ispeaker Farrugia spjega li hekk kif il‑Parlament mexa lejn din il‑binja f’Mejju 2015, bdiet tinħass mill‑ewwel importanza biex il‑Parlament Malti jkollu l‑faċilità ta’ arkivju u librerija. Huwa rringrazzja b’mod speċjali lill-Iskrivan tal-Kamra s-Sur Raymond Scicluna tal-viżjoni u l-impenn tiegħu sabiex dan il-proġett ikun possibbli.
L‑implimentazzjoni tal‑proġett fil-livell -2 tal-binja tal-Parlament ġiet ikkummissjonata mill‑amministrazzjoni tal‑Parlament lill‑Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC), li bl‑għajnuna tagħhom ġie mfassal id‑disinn tal‑istruttura, taħt is‑sovrintendenza tal‑awtoritajiet konċernati. Huwa spjega li din hija r‑raġuni li għaliha l‑istruttura ġiet mibnija b’tali mod li tħares il‑valur storiku tal‑post, li fiż‑żmien kien jintuża mill‑Ferrovija ta’ Malta. Ta’ dan huwa rringrazzja lill‑Uffiċċju tal‑Iskrivan tal‑Kamra u lill‑GHRC tal‑professjonalità li wrew fil‑ħidma tagħhom sabiex dan il‑proġett, li ġie jiswa madwar €4 miljun, sa fl‑aħħar tlesta. F’dan ir‑rigward, huwa rrimarka li l‑pandemija u r‑restrizzjonijiet konsegwenzjali matul dawn l‑aħħar sentejn kienu l‑kaġun li ttardjat mhux bi ftit it‑tlestija ta’ din il‑librerija.
L‑Ispeaker Anġlu Farrugia qal li dan il‑proġett jinkludi fih numru ta’ faċilitajiet. Fost affarijiet oħrajn, huwa spjega li:
- il‑parti prinċipali hija allokata għall‑Arkivju tal‑Parlament fejn wieħed jista’ jsib il‑minuti, dibattiti u dokumenti oħra uffiċjali, inkluż tal‑Kunsill tal‑Gvern, li wħud minnhom imorru lura sal‑1845;
- parti oħra mill‑istruttura ġiet allokata għal Librerija ta’ Referenza; u
- ġie allokat ukoll spazju li jista’ jintuża mill‑Membri biex jiltaqgħu bejniethom b’mod informali fuq il‑mudell ta’ dak li qabel kienu jirreferu għalih bħala l‑Bar tal‑Parlament.
Dr Farrugia rrefera wkoll għaż‑żieda fin‑numru ta’ kumitati parlamentari, u f’dan ir‑rigward semma li fl‑istess struttura ġiet allokata kamra fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu dawn il‑kumitati, li ’l quddiem se jkunu armati wkoll bil‑faċilitajiet ta’ audio-transciption u x‑xandir tal‑laqgħat.
Il‑proġett jinkludi wkoll numru ta’ uffiċini li se jkunu qed jintużaw mill‑uffiċjali assenjati mal‑librerija u r‑riċerkaturi. Dawn huma wkoll il‑kmamar fejn se jitqiegħdu l‑iscanners li nxtraw bl‑għajnuna tal‑Uffiċċju tal‑Arkivji Nutarili biex jintużaw għall‑arkivjar elettroniku tal‑istess Arkivju tal‑Parlament. Biex dan ix‑xogħol isir fuq bażi professjonali, l‑Uffiċċju tal‑Iskrivan tal‑Kamra qiegħed f’kuntatt mal‑Arkivju Nazzjonali kif ukoll mal‑Università ta’ Malta.
L‑Ispeaker Anġlu Farrugia għalaq id‑diskors tiegħu billi saħaq li l‑għan aħħari ta’ dan il‑proġett huwa biex tkompli tissaħħaħ din l‑ogħla istituzzjoni tal‑pajjiż, u dan billi:
- jiżdied l-appoġġ li jingħata lill‑Membri Parlamentari fil‑qadi tal‑mandat tagħhom; u
- jiġi faċilitat l‑aċċess ta’ riċerka lill‑pubbliku, partikolarment lill‑entitajiet pubbliċi u akkademiċi li jitolbu l‑għajnuna tal‑uffiċċju tiegħu.
Dan għandu jikkontribwixxi lejn il‑memorja kollettiva istituzzjonali tal‑poplu tagħna sabiex jifhem u japprezza iktar il‑ħidma li saret, u li għadha ssir mir‑rappreżentanti eletti tiegħu fil‑Parlament Malti.
Fi tmiem l-attività l-Ispeaker Farrugia nieda t-Tnax-il Volum tal-pubblikazzjoni tal-Uffiċċju tiegħu, is-Sedja Tikellem, li jiġbor fih deċiżjonijiet tas-Sedja mogħtija bejn Lulju 2021 u Frar 2022.
Għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, is-Sur Glenn Bedingfield u s-Sur Robert Cutajar, li servew bħala Whips fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC is-Sur Gino Cauchi, kif ukoll uffiċjali tal-Parlament u impjegati tal-GHRC.