Saturday, December 21, 2024

“Inbati bl-ME u nixtri Marijuana b’mod legali f’Malta… għaliex din il-kruċjata?”

Aqra wkoll

“Ilni għal dawn l-aħħar snin inbati mill-Myalgic encephalomyelitis. Xi drabi ikolli għejja u uġiegħ kbir. Imnalla kienet il-Marijuana għalija biex intaffi l-uġigħ. Marijuana li nixtriha f’forma ta’ mediċina mingħand l-ispiżjara. Il-prodott hu litteralment weraq tal-Marijuana nexfin, li ovvjament jinkiseb b’riċetta tat-tabib. Ma nifhimx għaliex din ir-reżistenza biex il-liġi l-ġdida tidgħajjef.  Minnn dak li qed nara il-liġi qed tiżgura li min jikkonsma l-Kannabis jagħmel dan mingħajr il-bżonn li jmiss mal-kriminalità u jkun jaf x’qed jieħu.  Allura persuni bħali għalfejn tridu ttellfuni din l-opportunità li jekk irrid inkabbar ftit pjanti għall-użu tiegħi biex intaffi l-uġiegħ. Bħali hawn oħrajn li jieħdu din il-mediċina bl-isem ta’ Bedrocan, fosthom dawk li jbatu minn epilessija akuta.”

Dan sostnieh ma’ Talk.mt persuna li jbati bl-ME u li xtaq jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar id-diskussjoni fil-pajjiż dwar il-liġi tal-Kannabis li l-vot dwarha se jittieħed fil-Parlament nhar it-Tlieta.

Tenna li “fid-diskussjoni u fid-dibattitu nies bħalna twarrbu kompletament. Qisu l-argument hu li kulħadd se jabbuża. F’pajjiżna hawn nies bħali u oħrajn li jbatu minn ċertu kundizzjonijiet fosthom ta’ uġiegħ kroniku li spjegazzjoni u mediċini biex titrattahom m’hawnx. Hawn il-mediċina Bedrocan, li kif għedt huma weraq tal-Marijuana u din meta neħduha ttaffilna ħafna l-uġiegħ. X’irrid ngħid? Qed ngħid li l-weraq tal-Marijuana diġa jinkisbu mingħand l-ispiżjara. Veru li huma prodott mediċinali liċenzjat, imma ma narax għaliex nies bħali jistgħu jeħduha għax għandhom preskrizzjoni u oħrajn le. Fuq kollox meta għal xi żmien ma kienx hawn din il-mediċina fis-suq, jien ma kienx ikolli triq oħra għajr dik li nfittex Marijuana li tinbiegħ bil-moħbi. Il-periklu hu li ma tkunx tafx x’qed tieħu. Nemmen li jekk tkun legalizzata, għallinqas se jkun hemm aktar kontrol ta’ x’qed tikkonsma”.

L-istess persuna qalilna li “nifhem lil min hu mħasseb fosthom lill-ġenituri. Jien kien hemm min inħasad meta għedtlu li nieħu l-Marijuana għall-ME. Kien hemm min qalli nmur il-Caritas biex naqta l-vizzju. Qed ngħid dan biex nuri kemm hemm preġudizzju kontra l-Marijuana. Minkejja dan, nammetti li mhux kulħadd jista’ jużaha għal skop tajjeb. Jista’ jkun hemm min jabbuża, anzi persważ li se jkun hemm. Nammetti li l-fatt li se tkun legali din il-liġi l-ġdida tagħmilha aktar faċli biex takkwista il-ħaxixa b’mod partikolari iż-żgħażagħ. Imma mhux biss, għax illum nafu li l-Kannabis inisbuha tittieħed f’magħmudijiet, tiġijiet, postijiet fi-pubbliku u anke funerali. Nemmen li l-abbuż trid titrattah b’kampanji ta’ edukazzjoni u informattivi fl-iskejjel u fl-għaqdiet. Min bħali mar għal Marijuana għamel dan għax qed jara benefiċċju minn kundizzjoni. Min jabbuża trid tedukah u tinformah li minnha mhu se jieħu xejn. Biex inkun qed ngħid kollox, naħseb li l-fatt li se tkun legali se tkun qed tnaqqas l-interess ta’ dawk li kien jfittxuha għax ma kinitx legali u riedu jippruvawha. Naħseb li la tkun legali, għal dawn mhix se tibqa’ xi ħaġa li jfittxuha”.

Ekonomija

1 kumment

Comments are closed.

Sport