Monday, December 22, 2025

INĊENTIVI

Aqra wkoll

Il-Prim Ministri Robert Abela u rappreżentanti għolja tal-gvern stqarrew kemm-il darba li jridu jdaħħlu bidliet importanti permezz ta’ inċentivi u mhux billi joħolqu piżijiet jew pieni ġodda. Bla dubju dan hu għan mill-aktar ammirevoli. Biss tqum il-mistoqsija: kemm hu għan prattiku biex jinkisbu riżultati sostanzjali? Fuq quddiem nett, wieħed jaħseb fil-qasam tat-traffiku imma wkoll f’dawk tal-bini, tal-kirjiet ta’ djar u appartamenti, tal-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin, fost oħrajn.

F’soċjetà ibbażata fuq ekonomija “ħielsa”, kull fejn il-limiti mhumix immarkati b’mod ċar u sod, se jirriżulta li l-aqwa kontrolli huma dawk tal-profitt, fuq bażi personali u/jew istituzzjonali. Jekk l-uniku kalkolu jibqa’ kemm “jien” se mmur aħjar jekk hux bil- jew mingħajr inċentivi – u mhux ukoll bil-pieni jew mingħajrhom – iċ-ċaqliqa lejn ir-riformi (kif sirna nsejħulhom) jew tibqa’ ma ssirx jew tant tkun kajmana li ftit tagħmel differenza. Talanqas dik kienet l-esperjenza sa issa, fil-maġġoranza tal-każi.

FRANZA U L-ĠERMANJA

Meta Franza u l-Ġermanja jingħaqdu flimkien dwar xi mira Ewropea, il-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea mhux dejjem jifirħu. Min-naħa l-oħra kulħadd jifhem li l-proġett Ewropew ftit jista’ javvanza jekk iż-żewġ pajjiżi ma jkunux f’sintonija bejniethom.

Fi żmien il-kanċellier Olaf Scholz kienet daħlet ċerta bruda bejn Berlin u Pariġi. Il-kanċeller preżenti Merz telaq bit-tir li jibdel dan u filfatt daħlet korjdalità ġdida fid-diskors Franko-Ġermaniż. Biss malajr qamu d-differenzi, imsajra minn interessi diverġenti – dwar kif għandhom jiġu finanzjati inizjattivi Ewropej maġġuri – dwar l-iffirmar tat-trattat ta’ kummerċ “ħieles” mal-pajjiżi Latino-Amerikani – dwar il-proġett għall-bini fl-Ewropa ta’ ajruplani tal-ġlied ġodda… 

DWAR IL-VAT

Ir-rapport riċenti “Mind the Gap” maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, janalizza kemm u kif l-istati membri, fosthom Malta, qed jirnexxilhom jiġbru t-taxxi dovuti fid-diversi oqsma. Il-konklużjonijiet li jagħmlu dwar pajjiżna jiġġustifikaw l-importanza li beda jagħti l-Ministru tal-Finanzi fl-aħħar snin lill-ġbir tat-taxxi.

F’das-settur Malta ma titqabbilx tajjeb mal-pajjiżi l-oħra. Hi fost dawk li għadhom ma jagħmlux rapport regolari dwar ir-rati ta’ kemm tassew it-taxxi dovuti qed jinġabru. Fil-qasam tal-VAT imbagħad, hu stmat li 24.2 fil-mija tat-taxxi dovuti mhumiex jinġabru (405 miljun ewro), it-tieni l-akbar telf ta’ taxxi mill-VAT fl-Ewropa, fejn il-medja hi ta’ 9.5 fil-mija mhux miġbura. 

Hemm ċerta ironija f’din il-konklużjoni. Niftakar kemm meta gvern Nazzjonalista ried idaħħal il-VAT akkost ta’ kollox, kien sar ftaħir dwar kif bil-VAT, se tinqata għal kollox l-evażjoni tat-taxxa. Għandu raġun il-ministru tal-finanzi jimbotta kontra l-evażjoni – skont il-“Mind the Gap”, fl-immodernizzar li għaddejja bih l-amministrazzjoni tat-taxxa qiegħda tibni fuq ħidma “relattivament tajba” fil-qasam diġitali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport