Wednesday, May 15, 2024

Inċident tat-traffiku f’Kherson jieħu l-ħajja ta’ uffiċjali għoli ieħor Russu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wieħed mill-ogħla uffiċjali Russu, Kirill Stremousov, tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku waqt li kien qiegħed iservi bħala deputat gvernatur tar-reġjun ta’ Kherson, il-belt port fuq il-Baħar l-Iswed. 

Il-mewt ta’ Stremousov, li kellu 45 sena, hija daqqa ta’ ħarta oħra fost lista ta’ uffiċjali għolja Russi li nqatlu jew mietu kemm ilha li bdiet il-gwerra fl-Ukrajna. Ir-reġjun fejn seħħ dan l-aħħar inċident fatali kienet żona kkontrollata mill-forzi tal-President Russu, Vladimir Putin.

Wara din il-fatalità rapporti fuq il-midja qalu li t-truppi Russi ġew ordnati jirtiraw miż-żona, mossa kkonsidrata bħala telfa oħra umiljanti għal Putin. Dan minħabba li Kherson hija l-unika kapitali tar-reġjun li l-Kremlin ħa taħt il-kontroll tiegħu tul il-gwerra fl-Ukrajna li issa ilha għaddejja għal dawn l-aħħar tmien xhur.

Il-mewt ta’ Stremousov kienet ikkonfermata mill-kap tiegħu Vladimir Saldo, il-gvern f’Kherson appoġġjat mir-Russja. Qabel l-invażjoni tal-forzi Russi fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, Stremousov kien blogger u persunaġġ attiv fil-politika lokali. Jingħad iżda li kellu għatx għal poter tant li ried jilħaq pożizzjoni għolja fl-Ukrajna. Kien għalhekk li tul l-okkupazzjoni f’Kherson, huwa mar hemm bħala uffiċjal għoli Russu.

Stremousov kien persuna attiv ħafna fuq il-midja soċjali u dejjem kien iwassal messaġġi, aħbarijiet u argumenti favur Moska. Sigħat wara l-mewt tiegħu, huwa ttimbra lill-Ukreni bħala “Nażisti” u sostna li l-militar Russu kellu l-kontroll totali tas-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Ukrajna. 

Min-naħa tal-Ukreni, Stremousov kien ikkonsidrat bħala traditur.

Sport