Sunday, August 17, 2025

Indifferenza li qed tkompli ttawwal il-kriżi umana

Aqra wkoll

B’Iżrael qed jippjana li jokkupa l-belt ta’ Gaza, iċ-ċansijiet li l-kriżi umanitarja li għaddejja fit-territorju Palestinjan tintemm  huma baxxi għall-aħħar. U filwaqt li kien hemm kundanna globali kważi universali għall-aħħar passi ta’ Iżrael, mhux probabbli li l-Gvern Iżraeljan jibdel ir-rotta. Anzi kollox jindika li għalkemm mhemmx data uffiċjali, il-pjani biex il-Belt ta’ Gaża tkun okkupata baqgħu mexjin. 

Illum hu fatt li bil-kliem biss mhux se jitwaqqfu l-attakki mdemmija minn Iżrael. Bil-kliem biss mhux se titwaqqaf din il-kriżi umanitarja.  Bil-kliem biss mhux se titwaqqaf it-tbatija umana li għaddejja f’Gaża.  Bil-kliem biss mhux se jitwaqqfu l-imwiet. Dawn jitwaqqfu biss bl-azzjoni. Billi jittieħdu azzjonijiet.  Meta qegħdin ngħidu azzjonijiet qegħdin nifhmu azzjonijiet diretti u sanzjonijiet dinjin. Inutli jkollna pajjiżi li joħorġu stqarrijiet bil-kitba jew jiddikjaraw nuqqas ta’ qbil imma imbagħad jieqfu hemm. 

Issa qegħdin naraw b’mod ċar li l-kliem u dikjarazzjonijiet ma’ wasslu imkien. Iżrael baqa’ għaddej bl-attakki tiegħu.  Sa l-aħħar sigħat rajna attakk li fin intlaqtet skola u mietu diversi persuni. Qegħdin nibqgħu naraw il-problema tal-ġuħ. Filmat wara filmat ta’ persuni minn tfal sa anzjani, li littealment huma skeletri. Qegħdin nibqgħu naraw l-armi jaslu għandu Iżrael. Jibqgħu jinbiegħu l-armi. Jibqgħu jintużaw portijiet Ewropej biex jitwasslu dawn l-istess armi. 

Minkejja li saru dikjarazzjonijiet, f’liema dikjrazzjonijiet ħafna drabi ma ssib l-ebda kundanna ċara u diretta għal Iżrael u l-attakki li qiegħed iwettaq, l-azzjoni mill-Istati Ewropej u minn Stati oħra madwar id-dinja kienet nieqsa ħafna. Din tgħodd ukoll għall-iStati Għarab u Musulmani. 

Issa qegħdin nisimgħu kif il-Gvern Iżraeljan beħsiebu joħloq dak li qiegħed jissejjaħ ‘perimetru ta’ sigurtà’ f’Gaza u jdaħħal “amministrazzjoni ċivili alternattiva li la hija Hamas u lanqas l-Awtorità Palestinjana”.  Skont il-Gvern Iżraeljan din l-amministrazzjoni ċivili alternattiva hi waħda minn ħames punti li għandhom iwasslu għal waqfien mill-ġlied.

Imma xi jfisser dan il-pjan? Prattikament ifisser indħil dirett issa fit-tmexxija Palestinjana. Pjan dubjuż li jqajjem ħafna mistoqsijiet. Pjan li m’għandu jkollu ebda kredibilità u dan għax anke  jekk sempliċiment tħares lejn dak li twettaq ftit xhur. Qalulna li se jwaqqfu fondazzjoni biex tara li tiddaħħal l-għajnuna. Fondazzjoni imwaqqfa bejn l-Istati Uniti u Iżrael. U x’rajna? Palestinjani jispiċċaw jiġu umiljati waqt li jmorru jitkarrbu l-ikel. U waqt li kienu jagħmlu dan, sparaw fuqhom u kienu diversi dawk li inqatlu. Prattikament din il-fondazzjoni ma’ solvietx il-kriżi tan-nuqqas ta’ ikel u għajnuna.

Waqt li l-Unjoni Ewropea u ħafna stati oħra jibqgħu indifferenti u ma jieħdu ebda azzjoni kontra Iżrael, ċittadini fl-istess pajjiżi qegħdin jagħmlu protesti kontinwi. Qegħdin jikkundannaw dak li qiegħed iseħħ. Qegħdin jitolbu responsabbilità għad-delitti imwettqin minn Iżrael. L-istess ċittadini qegħdin jasserixxu li l-gvernijiet tagħhom jistgħu jkunu kompliċi fil-kriżi umana f’Gaża u għalhekk qegħdin jiddikjaraw ‘mhux f’isimna’. 

Kien hemm stati bħall-Bolivja li qatgħu ir-rabtiet ma’ Iżrael. L-Afrika t’Isfel ressqet każ kontra Iżrael fil-Qorti Internazzjonali. 

Nemmnu li d-dinja ma tistax tibqa’ spettatur. Ma tistax tibqa’ tara din il-kriżi umana u tibqa’ indifferenti bla azzjoni. X’qed iżomm milli jkun hemm jkun hemm embargo globali fuq l-armi u l-kummerċ ma’ Iżrael. 

Fuq kollox, x’qed iżomm lill-Unjoni Ewropea milli tieħu azzjonijiet. Rajniha tieħu azzjonijiet b’mod immedjat fil-kunflitt Ukren, iżda ebda pass, ebda azzjoni kontra Iżrael għal dak li twettaq u qed jitwettaq f’Gaża. 

Agħar minn hekk ma’ ninsewx li l-Unjoni Ewropea għandha Ftehim t’Assoċjazzjoni ma’ Iżrael. Ftehim li kienu diversi l-ilħna li talbu li jiġi sospiż fil-kuntest tal-ksur kontinwu tad-drittijiet umani mill-Iżrael. L-argumentazzjoni li dejjem saret kienet li l-okkupazzjoni tal-Iżrael, li ilha sejra għal għexieren ta’ snin, u l-politika tal-apartheid fil-Palestina huma ksur ċar tal-liġi internazzjonali. Kemm in-Nazzjonijiet Uniti, kemm l-Amnesty International u anke Human Rights Watch  iddokumentaw ksur tad-drittijiet umani fit-Territorji Palestinjani. Minkejja klawsola ċara fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni ma’ Iżrael li tippermetti lill-Unjoni Ewropea tissospendi jew  twaqqaf il-Ftehim minħabba dawn il-vjolazzjonijiet, dan ma seħħx. 

Kien hemm tentattivi iżda dan jidher li hu impossibbli biex iseħħ. Biex ikun hemm sospensjoni tal-ftehim ta’ kummerċ hemm bżonn vot unanimu mill-Istati membri kollha. It-tentattivi li kien hemm sabu quddiemhom ħajt minħabba nuqqas ta’ appoġġ mill-Ġermanja u pajjiżi oħra.

Din in-nuqqas ta’ azzjoni, m’hemmx dubju li qiegħda tkompli twassal biex il-kriżi umanitarja tkompli għaddejja. In-nuqqas ta’ azzjoni diretta,  liema azzjoni diretta tista’ twassal biex titfa’ pressjoni, qiegħda tkompli issaħħaħ idejn Iżrael biex ikompli għaddej bil-kampanja tiegħu. Kampanja li l-ewwel rajniha b’attakki mill-ajru, wara bl-invażjoni f’Gaża, kompliet b’attakki qawwija li litteralment kinsu żoni sħaħ f’Gaża. U issa qegħdin nisimgħu bil-pjani li tkun okkupata. Nemmnu li n-nuqqas ta’ azzjoni diretta flimkien mas-skiet li qed jirrenja,  qegħdin ikomplu joħolqu tbatijiet kbar għall-poplu Palestinjan. 

Globalment ukoll ħafna jagħżlu li jibqgħu spettaturi. Kultant jitkellmu imma jdawwru wiċċhom banda oħra dak il-ħin stess. Nemmnu li l-indifferenza lejn dan il-kunflitt ma tfisser xejn għajr it-tkomplija tal-kriżi umanitarja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport