Monday, November 4, 2024

Infantino jgħid li l-FIFA jimpurtaha mill-benesseri tal-players

Aqra wkoll

Gianni Infantino jgħid li l-benesseri tal-players “jibqa’ prijorità” għall- FIFA minkejja li l-aqwa kampjonati Ewropej u l-union tal-players FIFPro ressqet ilment legali lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-korp governattiv tal-football dinji ġie akkużat li abbuża minn pożizzjoni dominanti taħt il-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea billi naqas milli jikkonsulta kif suppost dwar il-kalendarju internazzjonali tal-partiti, li kien jinkludi l-introduzzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs ġdida bi 32 team fis-sajf li ġej.

Unions u clubs qalu li l-FIFA għamlet ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-kampjonati u pperikolat il-benesseri tal-players permezz tal-approċċ “unilaterali” tagħha.

Il-kap tal-FIFA, Infantino, poġġa ritratt tiegħu fuq Instagram, f’laqgħa esterna ma’ David Aganzo, il-president tal-unjoni Spanjola AFE, f’Miami.

Taħtha kiteb “Il-FIFA tkompli taħdem mal-korpi tal-players biex tiżgura li l-benesseri tal-players jibqa’ prijorità. Ninsab ħerqan li nkompli naħdem ma’ David u ma’ kulħadd fl-AFE biex jintlaħaq dan il-għan”.

L-għaqda dinjija tal-players FIFPro naqset milli tikkummenta, iżda l-media Ame­rikana sostniet li l-laqgħa ta’ Aganzo ma’ Infantino kienet waħda personali.

F’Settembru li għadda, il-midfielder ta’ Manchester City u Spanja, Rodri, ngħaqad ma’ kor ta’ vuċijiet li qed jikber fil-logħba li ssuġġerew li l-players kienu “qrib” li jagħmlu strajk jekk it-tħassib tagħhom dwar il-kalendarju konġestjonat ma jinstemax.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-FIFPro ressqet l-ilment lill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Kampjonati Ewropej, li jirrap­preżentaw 39 kampjonat  u 1,130 clubs madwar 33 pajjiż.

Ġiet ippreżentata wkoll sfida legali se­parata lill-qrati Belġjani. F’dan il-każ,  l-unions iridu li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizz­ja tiddeċiedi jekk l-azzjonijiet tal-FIFA jiksrux id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-iskedar tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs fl-Istati Uniti hija meqjusa bħala l-punt ta’ “deċiżjoni” biex tqanqal is-sejħa għall-az­zjoni peress li mhux se tispiċċa sat-13 ta’ Lulju, u tħalli ftit perjodu qasir għal btala qabel jibdew it-tħejjijiet għall-kampanji domestiċi.

Il-FIFA insistiet li l-ftehim tal-kalendarju kien riżultat ta’ konsultazzjoni estensiva, u akkużat lill-kampjonati b’ipokresija għax ħafna minnhom ippjanaw avvenimenti ta’ qabel l-istaġun tagħhom stess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport