Thursday, December 4, 2025

INFORMAZZJONI ŻBALJATA

Aqra wkoll

Qed tiżdied il-fehma (naħseb korretta) li aktar u aktar deċiżjonijiet qed jittieħdu fuq il-bażi ta’ informazzjoni żbaljata. Anzi, aktar minn hekk, li qed isiru sforzi programmati biex tinfirex informazzjoni żbaljata ħalli fuq il-bażi tagħha jkunu jistgħu jittieħdu ċerti deċiżjonijiet pjuttost estremi u riskjużi jew biex dawn jiġu ġustifikati. 

Hu minnu li minn dejjem l-element ta’ informazzjoni żbaljata kien parti mill-istrateġija ta’ kif il-bnedmin jgħixu bejniethom u jikkonfrontaw lil xulxin. Biżżejjed wieħed jiftakar kif, skond il-leġġenda, il-Griegi daħlu ġo Troja. Biss fi żminijietna, bil-multiplikazzjoni tal-mezzi ta’ kumnikazzjoni, splodew ukoll l-opportunitajiet biex jinxterdu aħbarijiet u xnigħat foloz. U dawn l-opportunitajiet qed jittieħdu bil-kbir… minn entijiet statali, forzi politiċi u kummerċjali, u individwi komuni fil-miljuni.

Mhux faċli tirreżisti dit-tendenza, wisq anqas li twaqqafha. Qed isservi ta’ appoġġ enormi għal movimenti politiċi dubjużi qrib il-faxxiżmu modern, hekk kif dan qed jikber billi jrewwaħ id-dwejjaq u l-burdati suspettużi tan-nies.  

NEWTRALITÀ

Ħafna mid-diskussjonijiet li jqumu fostna dwar in-newtralità ta’ Malta jibqgħu ankrati madwar l-istess mistoqsija li kienet titqajjem sa minn qabel l-Indipendenza: pajjiż ċkejken bħal Malta jista’ jkun/jaqbillu jkun newtrali? Dil-mistoqsija għamlet żmienha. M’għadhiex tagħmel sens aktar. Malta hi pajjiż newtrali daqskemm hi pajjiż indipendenti. Ir-riflessjonijiet li għandna nagħmlu dwar in-newtralità m’għandhomx x’jaqsmu mat-“to-be-or-not-to-be” ta’ Amletu.

Huma l-mistoqsijiet li kull pajjiż fl-Ewropa u lil hinn minnha jrid jaffaċċja, newtrali jew le. Il-bilanċi tal-poter mad-dinja qed jinqalbu b’mod radikali. L-alleanzi ta’ kull xorta qed jitħarbtu u jinbidlu. Il-fatturi li jiddeterminaw is-sigurtà tal-pajjiżi newtrali jew alleati qed jiċċajpru bil-kbir.

Għalhekk, l-aqwa riflessjonijiet li jridu jsiru huma dwar kif f’dawn iċ-ċirkostanzi għandu jitfassal u jitħaddem il-kontenut tan-newtralità Maltija, f’termini ta’ politika barranija, sigurtà militari u difiża kontra theddid intern jew estern għall-integrità tan-nazzjon.

GERRYMANDERING

Il-President Amerikan Trump ħeġġeġ lir-Republikani ta’ Texas li jmexxu dak l-istat, biex jirranġaw id-distretti elettorali tagħhom b’mod li fl-elezzjonijiet li jmiss għall-Kungress, il-partit tagħhom itella’ 5 membri aktar milli għandhom illum. Fi stati oħra, bdew jittieħdu inizjattivi simili.

Sadattant, il-gvernatur Demokratiku Newsom tal-California, b’risposta għal dit-tattika, mexxa u rebaħ referendum li jawtorizza li ssir l-istess ħaġa f’dak l-istat, b’vantaġġ għad-Demokratiċi. Dil-prattika hekk imsejħa ta’ “gerrymandering” ftit tixxokkja fl-Istati Uniti.

F’Malta kienet issir ukoll miż-żewġ partiti. Wasslet għall-kriżi politika tas-snin 80 tas-seklu l-ieħor meta l-Partit Laburista rebaħ il-gvern b’maġġoranza ta’ siġġijiet imma b’minoranza tal-voti. Forsi l-Istati Uniti wkoll messhom idaħħlu provediment kostituzzjonali li jipprojbixxi l-gerrymandering. B’xejn ma tista’ titqies bħala tattika politika leġittima.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport