Infrastructure Malta matul illejl li għadda tellgħet f’postha l-ewwel struttura tal-azzar minn sebgħa li se jiffurmaw il-gverta tal-flyover ġdida tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP), li ser toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-Mini ta’ Ħal Kirkop.
Din il-flyover ġdida ħdejn l-Ajruport se tkun twila 400 metru u magħmula minn seba’ biċċiet tal-azzar li jiżnu 300 tunnellata. Dawn l-istrutturi waslu Malta f’nofs il-ġimgħa l-oħra wara li nħadmu ġewwa fabbrika f’Sevilja, mill-kumpanija Megusa li għandha storja ta’ 180 sena u kienet responsabbili mill-bini ta’ strutturi simili u pontijiet kbar fi Spanja. Magħhom inġiebu wkoll sitt strutturi oħrajn simili li jiżnu 280 tunnellata u li se jiffurmaw il-flyover ta’ 225 metru ta’ Luqa Junction Project li qed isir biswit KTAIP. Iż-żewġ proġetti flimkien se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta u se jkunu kofinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.
Wara li fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn ġarrew l-ewwel strutturi tal-flyover tal-KTAIP mill-Malta Freeport lejn is-sit tal-proġett, mil-lejl li għadda l-kuntratturi tal-proġett bdew itellgħuhom f’posthom. Fix-xhur li għaddew tlestiet il-bażi u nbnew ħames kolonni tal-konkos li ser isserraħ fuqhom din il-flyover ġdida kif ukoll ir-rampi li jwasslu għaliha.
It-tqegħid tal-bqija tal-istrutturi tal-azzar tal-flyover tal-Gudja se jkompli fil-ġranet li ġejjin sakemm dawn jieħdu posthom waħda wara l-oħra. Wara li tingħaqad il-gverta kollha, Infrastructure Malta tibda tlesti l-aħħar xogħlijiet meħtieġa biex tifforma l-flyover fejn huwa ppjanat li din tkun tista’ tinfetaħ għall-użu mill-pubbliku lejn l-aħħar tas-sena. Sadattant, lejn l-aħħar ta’ Awwissu mistenni jibda wkoll it-tqegħid tal-istrutturi tal-flyover ta’ Ħal Luqa.
Infrastructure Malta lestiet 60% tal-KTAIP li huwa investiment ta’ €18-il miljun biex joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja biex jintroduċi mina ġdida lejn Birżebbuġa u faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Ir-roundabout tal-Gudja tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni, minn u lejn Ħal Luqa, il-Marsa u Ħal Qormi; Triq Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq; Triq Ħal Far, minn u lejn Ħal Far, il-Freeport u Birżebbuġa; u Triq l-Ewwel Titjira li tgħaqqad ir-roundabout mal-mini ta’ Ħal Kirkop. Hemm ukoll Triq il-Karwija, li twassal għall-Ajruport.
Ix-xogħlijiet tal-KTAIP bdew bil-bini tal-pedamenti għat-toroq ġodda tal-proġett u nbnew aktar minn 300 metru ta’ ħitan fil-ġnub u 330 metru bankini ġodda. Fix-xhur li ġejjin, ser jitlestew aktar bankini u korsiji għar-roti. Fix-xhur li għaddew, il-ħaddiema lestew 70% tat-tħaffir tal-mina twila 200 metru li se tgħaddi minn taħt ir-roundabout ġdida u r-rampi ta’ 120 metru li se jwasslu għaliha, kif ukoll bnew uħud mill-ħitan tal-mina u anke diġà saqqfu parti sew minnha. Il-mina li se jkollha erba’ korsiji, tnejn f’kull direzzjoni, mistennija tiftaħ sal-aħħar tas-sena, filwaqt li l-proġett kollu għandu jkun lest fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Il-mina se toħloq konnessjoni diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni u dawk ta’ Triq Ħal Far. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inkluż vetturi kbar, ġejjin minn, jew sejrin lejn, Birżebbuġa, il-Freeport jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout. Il-mina ser isservi wkoll bħala ħruġ mill-Ajruport fid-direzzjoni tat-tramuntana.
Fuq il-mina, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ir-roundabout eżistenti u l-korsiji tal-bypass b’disinn imtejjeb biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm il-flyover ġdida li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar tgħaddi mar-roundabout.
Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil tas-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art, b’10 kilometri ta’ cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi oħra ta’ telekomunikazzjoni, kif ukoll pajpijiet għall-ilma u katusi tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xita.