Thursday, April 18, 2024

Infrastructure Malta tiftaħ rotot ġodda għall-mixi fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa

Aqra wkoll

Infrastructure Malta qed tlesti l-ewwel fażi tal-pont pedonali ġdid fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa b’mogħdijiet ġodda li jwasslu għal din il-konnessjoni ġdida u żoni oħrajn fil-viċin, u l-eliminazzjoni ta’ ħruġ perikoluż minn trejqa privata li hemm biswit.

Il-mogħdijiet ġodda li se jiftħu din il-ġimgħa f’din iż-żona se jieħdu post il-punt ta’ qsim pedonali bid-dwal (pelican crossing) biex taqsam waħda mill-karreġġjati ta’ Triq it-Tiġrija, li tinsab tul ir-rotta bejn il-Marsa-Ħamrun Bypass u Triq Aldo Moro, l-iktar waħda li minnha jivvjaġġaw persuni f’Malta. L-aġenzija qed timblokka wkoll l-aċċess irregolari minn trejqa privata fil-viċin għall-karreġġjata lejn in-nofsinhar ta’ Triq it-Tiġrija, biex telimina r-riskji t’aċċidenti u dewmien kbir li dan qed jikkawża f’din it-triq arterjali. 

YouTube video

Il-pont ta’ Triq it-Tiġrija qed joħloq rotta aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn diversi nħawi residenzjali fil-Marsa u l-qalba ta’ Ħal Qormi (minn Sqaq il-Ġerrejja). L-ewwel fażi tal-pont, li tinkludi l-parti ewlenija li taqsam minn fuq Triq it-Tiġrija, qed telimina periklu tul rotta pedonali mfittxija ħafna mill-qalba tal-Marsa (l-inħawi ta’ Triq il-Jum u Triq il-Marsa) lejn diversi żoni fil-Marsa u Ħal Qormi fuq in-naħa l-oħra ta’ Triq it-Tiġrija, li jinkludu l-Marsa Park and Ride u l-venda tal-karozzi tal-linja (Triq l-Iljun, Ħal Qormi), il-Marsa Sports Grounds u bosta postijiet oħra industrijali, kummerċjali u residenzjali Ii hemm fil-viċin. 

Biex jilħqu dawn id-destinazzjonijiet bil-mixi, ħafna kienu jaqsmu l-ħames korsiji ta’ Triq it-Tiġrija u n-niżliet li hemm biswitha, peress li ma kellha l-ebda mezz sigur għall-qsim pedonali. Kien ikollhom  jaqbżu l-barrikati tal-azzar u jaqsmu korsiji li minnhom jgħaddu karozzi b’veloċità hekk kif jitilgħu mill-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq Diċembru Tlettax biex imorru lejn il-Marsa-Ħamrun Bypass. 

Waqt li l-gverta tal-pont u t-turġien li jwasslu għaliha nfetħu għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi aktar kmien dan is-sajf, din il-fażi tal-proġett qed titlesta din il-ġimgħa billi jinxtegħlu l-liftijiet ġodda fuq kull naħa tal-istruttura u jsiru rtokki oħrajn relatati. Infrastructure Malta qed tlesti wkoll il-mogħdijiet ġodda li jwasslu għall-pont u għaż-żona residenzjali u industrijali (Triq Jean de la Cassiere) fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ din it-triq. Dawn il-mogħdijiet se jkollhom tabelli biex jiggwidaw lil dawk li jgħaddu minnhom bil-mixi u se jkunu maqtugħin mit-triq arterjali bi xtiebi tal-ħadid. Iż-żona qed tissebbaħ ukoll b’diversi siġar u arbuxelli.  

Studji li saru fix-xhur li għaddew minn Transport Malta u Infrastructure Malta kkonfermaw li l-konnessjoni rregolari bejn Triq it-Tiġrija u t-trejqa privata li hemm biswitha qed toħloq riskji serji ta’ ħbit, kif ukoll dewmien fl-ivvjaġġar u tniġġis kkaġunat mill-konġestjoni tul din ir-rotta arterjali. Filmati li ttieħdu bħala parti minn dawn l-istudji juru vetturi kbar jirriversjaw b’mod perikoluż fuq it-traffiku li jkun għaddej, biex joħorġu minn din it-trejqa privata li taqdi ftit imħażen, xi drabi anke jimblokkaw it-triq għal vetturi t’emerġenza. Saħansitra jidhru individwi jwaqqfu rregolarment karozzi oħrajn biex iħallu dawn il-vetturi joħorġu jew jidħlu fit-trejqa privata, b’mod li jpoġġu lilhom infushom u lil dawk li jkunu għaddejjin mit-triq f’periklu. Din il-konnessjoni rregolari se tkun imblukkata fil-jiem li ġejjin. 

Bħalissa għaddejja wkoll it-tieni fażi tal-proġett tal-pont ta’ Triq it-Tiġrija. Din tinkludi l-bini tat-tieni pont li se jieħu post il-punt ta’ qsim pedonali li hemm fin-niżla b’korsija waħda li tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar fi Triq it-Tiġrija ma’ Triq Diċembru Tlettax, lejn il-Belt Valletta. Din l-istruttura ta’ 23 metru se tgħaqqad Triq il-Jum, fil-Marsa direttament mal-gverta tal-pont li diġà jinsab f’postu.

Fl-2020, Infrastructure Malta investiet €5.9 miljun biex bniet tliet pontijiet ġodda għall-mixi u r-roti fi Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca), Ħal Luqa (Vjal l-Avjazzjoni) u Raħal Ġdid (Triq Dom Mintoff). Din is-sena fetħet żewġ pontijiet pedonali oħra u mina għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bħala parti mill-Marsa Junction Project. L-aġenzija fetħet ukoll subway ġdida taħt Triq Tal-Barrani, bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien. Bħalissa qed tippjana proġetti simili b’konnessjonijiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar f’lokalitajiet oħrajn.  

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Ekonomija

Sport