Friday, February 20, 2026

INFRASTRUTTURA KRITIKA

Aqra wkoll

Fl-aħħar snin, l-aktar bl-iżviluppi fit-teknoloġiji elettroniċi ta’ kumnikazzjoni u tal-informazzjoni, l-infrastrutturi li jsostnu l-ħajja fis-soċjetajiet moderni intrabtu dejjem aktar ma’ xulxin. Fil-provista tal-enerġija u tal-ilma – tat-trasport bl-art, bil-baħar u bl-ajru u s-sistemi li jagħmluhom żguri – fit-tmexxija finanzjarja u s-sigurtà tal-pagamenti bejn gvernijiet, impriżi u ċittadini – fil-provista tal-mezzi li jħarsu s-saħħa…

It-tmexxija tal-infrastruttura saret aktar effiċjenti u effettiva… imma saret ukoll aktar vulnerabbli. Attakk fuq l-għeruq elettroniċi li jżommuha għaddejja joħolqu kjass enormi fil-ħajja umana. Minn hawn li qam l-interess f’dawk il-partijiet tal-infrastruttura li huma “kritiċi”. Jekk ma jkunux inħarsa tajjeb… jekk jitħarbtu jew b’xi żgarratura teknika jew minħabba xi attakk… il-ħajja fil-livelli u fl-oqsma kollha tal-pajjiż tiġi paralizzata.

Sar dejjem aktar meħtieġ għarfien ta’ fhiex tikkonsisti l-infrastruttura kritika fiċ-ċirkostanzi tal-lum – ta’ xinhuma l-perikli ta’ ħsara aċċidentali jew kriminali li jhedduha – u ta’ kif se tkun protetta. Dan hu eżerċizzju li mhux isir darba, imma jrid jibqa’ jiġġedded il-ħin kollu, f’linja mal-bidliet teknoloġiċi li dejjem għaddejja. Wieħed jittama li hu eżerċizzju li f’pajjiżna wkoll, qed isir bil-galbu li jixraqlu.

L-AFRIKA

Fostna hemm min korrettement, jagħti importanza lill-ħtieġa biex il-kuntatti u l-kummerċ bejn Malta u l-pajjiżi Afrikani jiżdiedu u jissaħħu. Dawk li jqisu hekk għandhom raġun. Tajjeb li nagħtuhom kull appoġġ.

Il-gvern bil-ftuħ u ż-żamma ta’ positjiet konsolari u ta’ ambaxxati mexa f’din id-direzzjoni. Numru ta’ azjendi privati… għalkemm ftit huma magħrufa… ilhom jagħmlu ħilithom biex isaħħu l-preżenza kummerċjali tagħhom fl-Afrika.

Li forsi jonqos f’dan kollu hi strateġija koerenti u sostnuta biex jintlaħqu ċerti għanijiet diplomatiċi u kummerċjali fil-pajjiżi Afrikani, lil hinn minn xi tkewwes l-Unjoni Ewropea. Biex dan l-għan jintlaħaq madankollu, hemm bżonn ta’ ħsieb komuni milħuq bejn il-gvern u imprendituri privati, kif ukoll riċerkaturi akkademiċi, dwar programm ta’ ħidma biex f’oqsma limitati, f’reġjuni speċifiċi tal-Afrika u b’rizorsi adekwati, jinbnew proġetti li jkunu utli kemm għal Malta u kemm għall-pajjiżi li fihom tippreżenta ruħha.

LINGWI

Kien hemm żmien neta l-Maltin kienu jiftaħru bl-ilsna li kienu midħla tagħhom: l-Ingliż u t-Taljan fuq quddiem nett, imma wkoll l-Ispanjol, il-Franċiż, l-Għarbi… Jidher li dak iż-żmien ħarab. Illum, tajjeb jew ħażin, anqas u anqas Maltin jafu aktar minn lingwa waħda jew tnejn – l-Ingliż u l-Malti, waħda minnhom b’mod passabbli, l-oħra hekk u hekk…

Jista’ jkun li qed nesaġera. Biss ninkwieta meta niltaqa’ ma’ min jgħidlek li l-isfida tal-lingwi mhijiex problema importanti, għax bl-intelliġenza artifiċjali tista’ titkellem u tinftiehem b’kull lingwa. M’inix konvint.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport