Thursday, December 26, 2024

Inġabru madwar 1.6 tunnellata ta’ skart minn qiegħ il-baħar

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem inġabru madwar 1.6 tunnellata ta’ skart minn qiegħ il-baħar fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Dawn l-inizjattivi, mill-Malta Airport Foundation, li saru fuq medda ta’ jumejn, saru permezz ta’ 49 għaddas, żewġ snorkelers u għadd ta’ volontiera oħrajn. 

F’madwar ħames sigħat, grupp ta’ volontiera f’Birżebbuġa tellgħu minn qiegħ il-baħar madwar 700 kilo skart li primarjament kien jikkonsisti minn għadd ta’ kontenituri tal-plastik, ħbula tal-irmiġġ tad-dgħajjes u partijiet minn dgħajjes imkissrin. 

Ingħaqqad ukoll grupp ieħor f’Wied iż-Żurrieq fejn ġabar għadd ta’ fliexken tal-plastik u tal-ħġieġ, kif ukoll diversi oġġetti mdaqqsin inkluzi 53 tajer, sellum tal-metall, bollards, blokok tal-konkrit u pajpijiet, li b’kollox kienu jiżnu madwar 900 kilo. 

“Huwa nkwetanti li ħafna għadhom mhux qed jifhmu li t-traskuraġni tal-bniedem, bħal rimi tal-iskart bl-addocc, qed ikollha mpatti tassew negattivi fuq l-oceani, l-ibħra u l-ekosistemi ta’ taħt il-baħar. Inizjattivi ta’ tindif bħal dawk li ġew organizzati mill-Malta Airport Foundation ricentament juru li hawn bżonn kbir ta’ edukazzjoni dwar dan is-suġġett,” qal ic-Cermen tal-Fondazzjoni, Josef Formosa Gauci, filwaqt li fakkar li l-oceani jsostnu madwar 80% tal-ħajja fuq il-pjaneta tagħna. 

L-għan ta’ din il-fondazzjoni huwa li żżid l-għarfien dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ibħra tagħna, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ilmijiet li jdawru lill-gżejjer Maltin biex ikomplu jitgawded mill-pubbliku lokali u t-turisti. Il-bajjiet u l-għadis, fil-fatt, jissemmew ta’ spiss mit-turisti bħala tnejn mill-aqwa 10 raġunijiet għaliex żaru l-gżejjer Maltin. 

Fl-aħħar sitt snin, il-Fondazzjoni appoġġjat il-produzzjoni ta’ żewġ dokumentarji, li t-tnejn iwasslu messaġġ ta’ konservazzjoni tal-ħajja ta’ taħt il-baħar u ffinanzjat ix-xiri ta’ żewġ seabins għal-lokalitajiet ta’ Marsaskala u Marsaxlokk. 

Ekonomija

Sport