Monday, May 13, 2024

ARA: L-artist li bena l-Knisja tal-ħolm tiegħu

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA, Ritratti: ALAN SALIBA

YouTube video

Sa minn mindu kien għadu tifel żgħir, Dominic Micallef kien dilettant tal-knejjes u b’mod partikolari tal-festa ta’ Santa Liena f’Birkirkara. Imrobbi f’Main Street f’Birkirkara, hu kien jgħix qrib il-kappella ta’ San Pawl u minn hemm nibtet in-namra tiegħu għal dan il-passatemp. Arah id-dar għand ommu jilgħab bil-Knisja li kellu, jew inkella jixgħel ix-xemgħat taparsi qed jieħu ħsieb il-Knisja. 

Aktar tard meta kiber, Dominic għamel sitt snin jieħu ħsieb il-Knisja u l-armar tal-festa ta’ Santa Liena, hekk kif kien il-prokuratur tal-festa. Iżda wara li spiċċa minn din il-kariga, hu ddeċieda li jiddedika ħinu biex iwettaq ix-xewqa li tant kienet ilha tberren f’moħħu s-snin – dik li jibni knisja minjatura skont l-ideat li kellu f’moħħu bħala l-artist. 

inewsmalta żaret id-dar ta’ Dominic fejn stajna naraw din il-Knisja f’minjatura. Dominic irrakkontalna li wara ħames snin issa jista’ jgħid li din il-Knisja lesta minn kollox. Illum iħares lejha u jħoss li m’għadx hemm aktar affarijiet x’jista’ jżid, ħlief li jkompli jtejjeb fuq dak li diġà għandu. 

Bħalissa l-Knisja tinsab armata għall-festa ta’ Santa Liena, iżda matul is-sena tintrama wkoll għal żewġ festi sekondarji oħra u anke għall-festi tal-għaxar artali li nsibu f’din l-istess knisja. Tajjeb li wieħed jgħid li Dominic għandu armar partikolari għal kull festa partikolari li jkun qed jarma għaliha, iżda l-aktar wieħed sinjur hu dak għal Santa Liena peress li hi l-festa titulari ta’ din il-knisja tiegħu. 

Mistoqsi dwar kif inbniet din il-knisja, Dominic spjegalna li sa minn qabel beda jaħdem fuqha hu diġà kellu xi ħsibijiet dwar kif riedha tkun. Jispjega li l-pjanta tagħha għamilha hu, għalkemm kollox isegwi stutturi u qisien li jiġu adottati meta tinbena knisja. 

Filwaqt li dan l-artist għamel ħafna xogħol artistiku fil-knisja, kien hemm diversi artisti oħra li kkummissjonahom biex jagħmlulu xogħlijiet bħal pittura, skultura u affarijiet oħra simili. Fost l-oħrajn, għamillu diversi pitturi tas-saqaf u tat-titular l-artist Victor Caruana. Miegħu kien hemm ukoll Clifford Vella li ħadimlu wkoll fuq is-saqaf, filwaqt li l-parti l-kbira tar-rakkmu tal-istandardi u l-ganutell inħadem minn Jason Taliana.  

Min-naħa tiegħu, Dominic għamel ħafna xogħol ta’ ganutell ukoll, kif ukoll ħa ħsieb li jlibbes din il-knisja b’damask u induratura kull fejn kien hemm bżonn. L-istruttura kollha saret mill-injam, filwaqt li l-iskultura saret mill-ġibs, għalkemm hemm xi biċċiet minnha li huma tal-injam ukoll. Ħafna mill-iskultura saret minn Victor Caruana, filwaqt li kien hemm xi biċċiet ta’ Pawlu Muscat. 

Dominic spjegalna li t-tużell ta’ fuq l-artal maġġur hu replika eżatta ta’ dak li jintuża fil-Bażilika Kolleġġjata ta’ Birkirkara waqt il-festa ta’ Santa Liena. Fil-fatt, qalilna li anke bħala injam żamm leali mal-qisien b’kollox. 

Barra hekk, fil-Knisja hemm għaxar artali, li huma ddedikati lil San Pawl, lil Vitorja, lil San Mikiel, lid-Duluri, lill-Kurċifiss, lil tar-Rużarju, lil San Ġużepp u lill-Kunċizzjoni. Imbagħad hemm il-kappella tas-Sagrament, it-Titular u l-Artal Maġġur. 

Rigward l-artal maġġur, Dominic qal li l-appostli huma tal-injam u maħdumin minn Martin Bezzina Wettinger. Il-gandlieri huma tal-metall, li bbanjahom bid-deheb hu stess. Fejn għandhom x’jaqsmu fjuretti, dawn inħadmu minn Jason Taliana, filwaqt li l-ventartal tal-metall kien ħadmu Gabriel Farrugia.

Bħala artali, l-artist qal li dawn huma kollha oriġinali. Fil-fatt, hu sostna li kulma hemm li sar fuq il-Bażilika ta’ Birkirkara huma t-tużell, il-bankun ta’ Santa Liena u xi artali bħal tal-Vitorja li l-pittura tiegħu hi eżatt bħat-titular tal-Knisja tal-Vitorja ta’ Birkirkara. 

It-titular tal-knisja hu simili għal dak ta’ Santa Liena iżda mhuwiex ikkopjat minnu. Fejn għandha x’taqsam l-istatwa ta’ Santa Liena, din hi tal-inham u xtraha mingħand Wettinger. Il-forom tal-bankun saru minn Victor Caruana,  filwaqt li Dominic għamel l-induratura u anke d-dehbijiet li hi mlibbsa bihom l-istatwa, fosthom anke ċ-ċinturin. Id-disinni fuq l-istatwa mbagħad kienu saru mill-istess Victor Caruana. 

Karatteristika oħra partikolari ta’ din il-knisja huma l-linef kbar li saru minn Dominic u Jason Taliana. Biex saru dawn il-linef intużaw mal-erba’ kilogrammi ta’ lewlu. 

Dominic qal li din il-knisja kienet tirrikjedi ħafna xogħol ta’ paċenzja, fosthom il-ganutell irqiq li jieħu l-ħin biex isir peress li kollox irid isir fiċ-ċokon. Barra hekk kien hemm ħafna xogħol ta’ rakkmu fil-pavaljuni u fl-istandardi li wkoll saru minn Taliana. 

Filwaqt li jirrikonoxxi li swietu ħafna flus u ħin, Dominic iħossu kuntent li llum jista’ jarma din il-knisja minn żmien għall-ieħor, skont il-festi li jkollna f’pajjiżna. Apparti għall-festa ta’ Santa Liena, jarmaha wkoll għall-festi sekondarji ta’ San Pawl u tal-Vitorja. Għandu armar apposta għal dawn il-festi wkoll, filwaqt li Santa Liena għandha anke n-niċċa tagħha. Barra hekk, jarma wkoll għall-festi ta’ San Mikiel, tal-Kurċifiss li ssir f’Santu Kruċ fit-3 ta’ Mejju, ta’ San Ġużepp u anke għall-Ġimgħa l-Kbira fejn jarma damask iswed u l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. 

Il-Knisja hi wkoll kompluta b’faċċata li tixgħel b’400 bozza. Din tinxtegħel kollha għall-festa, filwaqt li matul is-sena jinxtegħlu biss iċ-ċnut. Il-Knisja għandha wkoll il-kampnari u l-qniepen li jdoqqu. 

Sport