Saturday, December 28, 2024

INĠEDDU MARSASKALA FLIMKIEN

Jean Claude Micallef
Jean Claude Micallef
Deputat Laburista

Aqra wkoll

Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa u fejn hemm l-għaqal u pjan hemm il-kuntentizza. Hekk dejjem emmint u hekk dejjem irriżulta. Fil-każ ta’ Marsaskala mhux eċċezzjoni. 

Kien lura fl-2017, eżatt fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista fejn emfasizzajt il-ħtieġa li Marsaskala tiġi riġenerata f’hub ekonomiku u sportiv. Forsi ftit kienu dawk li verament fehmuni jew emmnu li f’ħajti meta nagħti kelmti, xejn ma jbiddilha. 

Minn dakinhar s’hawn inbiddlu xi affarijiet fosthom li ġejt elett Membru Parlamentari f’isem Marsaskala, inbidel kemm il-Prim Ministru u darbtejn il-Kap tal-Oppożizzjoni. Faqqgħet pandemija, fallew pjanijiet tal-AUM fiż-Żonqor, tfaċċaw interessi ġodda f’Wied il-Għajn u anke nbidlu residenti. 

Ma nbidlux biss it-telqa u l-apatija f’din il-lokalità unika li għal ħafna, inkluż barranin fissret serenità u tgawdija Mediterranja. Ma nbidlux lanqas l-appelli minn ħafna biex isiru interventi li jħallu l-frott fejn tidħol l-indafa, is-sigurtà u l-iżvilupp kummerċjali li jkun sostenibbli. 

Stajt ippuntajt is-swaba lejn ħaddieħor u farfart, minflok xammart il-kmiem u flimkien ma’ kull min kellu rieda ġenwina rajt kif fil-limitazzjonijiet tiegħi nħalli l-frott. 

Bi pjan u fuq kollox b’rieda tal-azzar waqafna għal bullies li għal snin twal ikkapparaw il-bajja ta’ San Tumas waqt li ċaħduha lill-poplu. Jaħti kull min tul is-snin għalaq għajnu għall-illegalitajiet u sfreġji ambjentali waqt li traskura lill-Iskalin. Illum grazzi għall-appoġġ ta’ sħabi l-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista kull wieħed u waħda minnha jista’ jitpaxxa bil-bajja ta’ San Tumas b’serenità u ndafa. 

It-tiġdid bi pjan ħolistiku u nklussiv jiġi mfaħħar dejjem, b’hekk l-intervent tal- Ministru Ian Borg li jsostni l-aċċess għal din il-bajja b’mollijiet ta’ kwalità ssarrfu wkoll għal aċċessibilità u organizzazzjoni f’żona li kienet biss definizzjoni ta’ kaos. 

B’viżjoni ressaqt ukoll dokument ta’ proposti biex f’pajjiżna jkollna policies għal siti mmirati lejn caravans, campers u camping. B’dispjaċir sal-lum l-entitajiet responsabbli għadhom fi stadju ta’ studju. Dispjaċir akbar kien meta l-uniku Kunsill Lokali li ħareġ kontra dawn il-policies kien il-Kunsill ta’ Marsaskala li ġie milqut tant minn konfużjoni frott in-nuqqas ta’ regolamenti f’dan is-settur u b’min ra li jieħu l-liġi b’idejh. 

Dejjem rajt li Marsaskala għandha tkun destinazzjoni turistika ewlenija u għalhekk kemm-il darba tlabt għall-interventi lill-Ministru tat-Turiżmu. Niftakar l-appoġġ sħiħ mill-Onor. Julia Farrugia meta kienet responsabbli minn dan id-dekasteru. Mhux talli kienet twieġeb ammont ta’ Mistoqsijiet Parlamentari mingħandi fl-interess tal-Iskalin talli kienet tintervjeni anke personalment. 

Sfortunatament però kemm-il darba tentattivi ta’ refurbishment kellhom ikunu abbandunati hekk kif l-istat li tħalliet Marsaskala kien jeħtieġ ferm aktar. Għaldaqstant ilqajt b’entużjażmu meta l-Ministru Clayton Bartolo fetaħ sejħa għal disinji ta’ riġenerazzjoni f’Marsaskala permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. 

Marsaskala ma tistax tieħu r-ruħ billi nfaqsula xi proġett sporadiku imma flimkien irridu nagħrfu direzzjoni sostenibbli li rridu nagħtu lil Marsaskala. 

Li nġeddu lil din il-lokalità ma jfissirx li nbiddlu l-karatteristiċi tagħha. Sostenibbli ma jfissirx lanqas li proġett ikun vijabbli finanzjarjament imma devastanti ambjentalment. L-għajta għal riġenerazzjoni ta’ lokal issir mal-istakeholders kollha bi proċess ta’ konsultazzjoni u b’deċiżjonijiet minsuġa fuq prinċipji li jaraw lil kulħadd jirnexxi, jiġi kkonservat l-awtentiċità tal-post waqt li jkunu ndirizzati kwalunkwe defiċjenza b’mod sostenibbli. 

F’dan is-sens kont konsistenti fl-appoġġ kontinwu li tajt lil Marsaskala Waterpolo. 

Huwa fatt magħruf li għalija l-isport għandu jkun prijorità f’pajjiżna u ċertament li jekk xejn irrid li bħala Membru Parlamentari għat-Tielet Distrett nara lil-lokalitajiet li nirrappreżenta jeċċellaw f’mentalità sportiva li twassal għal titjieb ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ.

Ma ddejjaqtx inkun wieħed mill-ftit kandidati li ma fraħnix u lanqas iġġustifikajna t-teħid tal-ex pixxina nazzjonali fiż-Żonqor li ġiet mgħoddija lil Sadeen Group. Dik l-azzjoni tmur kontra kull prinċipju li nemmen fih u li spjegajt. Agħar minn hekk li għaqda sportiva spiċċat tagħti kerha lil entità barranija u baqgħet snin twal imwegħda proġett li nbidel f’saga ta’ qtiegħ il-qalb u exodus ta’ talent mill-imsemmi Club. 

Ma ninsa qatt nara d-dmugħ f’għajnejn uffiċjali tal-club bil-ferħ mar-riżultat li l-Planning Authority kkonfermat permess biex il-club ma jibqax orfni. Ma ninsewx lanqas lil min lagħab gallarija biex jingħoġob ma min kien qed joġġezzjona anke għall-iskapitu tal-futur tal-ulied Skalin u l-eżistenza tal-club. Hawn ma nistax ma nsellimx lil Sport Malta taħt it-tmexxija ta’ Mark Cutajar li flimkien rajna kif negħlbu l-isfidi li ffaċċjajna fl-interess tal-ġenerazzjonijiet Skalin li tilgħin. 

Kontra kull mistenni tfaċċat bħal-leħħa ta’ berqa PQQ għal marina massiċċa fil-Bajja ta’ Marsaskala. L-għadab tiegħi ormai hu magħruf minn kulħadd però spikka fatt wieħed. Waqt li l-ġurnali rrapportaw li kont l-uniku Membru Parlamentari li ħriġt għonqi favur l-Iskalin b’għajtiet ċari ta’ 1. Bajja tibqa’ bajja; 2. L-aċċess għall-bajja għandu jibqa’ pubbliku; u 3. Kwalunkwe proġett għandu jibda b’konsultazzjoni wiesgħa; diversi naqsu milli jaraw l-aktar ħaġa ovvja. 

Mhux talli tħallejt waħdi f’din il-kawża, talli qatt qabel dan il-fatt ma kellek lil Marsakala magħquda b’għajta soda fuq il-prinċipji li nemmen fihom. 

Nista’ niġi msejjaħ purċinell u mitt titlu ieħor talli ma nittollerax purċinellati man-nies li eleġġewni però żgur li qatt f’ħajti ma nkun fil-but ta’ ħadd jew b’aġendi ulterjuri għal skapitu tal-lokalitajiet li nirrappreżenta b’tant kburija. Il-fatt jibqa’ li uffiċjalment l-uniku titlu li nġorr grazzi għall-Iskalin fost oħrajn huwa t’Onorevoli u nġorru b’responsabilità. Ħaddieħor jista’ biss jixtiequ.

Bl-akbar rispett lejn Marsaskala ma wasaltx biss inkun vuċi f’isem ir-residenti vis-a-vis ssejħa għall-proġett tal-marina. Jekk irridu nġeddu lil Marsaskala flimkien, irridu nibdew billi dak li ttieħed lill-Iskalin, niksbuh lura. Ma nsolvu qatt żball bi żball ieħor. Żball jiġi kkoreġut u nitgħallmu minnu. Minn hemm irridu nibdew u se nimpenja ruħi għal dan. 

L-appell tiegħi m’huwiex biss lill-kollegi politiċi imma wkoll lil sħabi residenti f’Marsaskala. Li tinsa min ħareġ għonqu għalik tkun qed tikkundanna lilek innifsek li tiġi minsi. Li tagħżel toqgħod gallerija jfisser tħalli l-ħaddieħor jagħżel triqtek. Li ma tivvutax tkun qed tiddeċiedi li tħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik. 

Fil-ħajja tiegħi, qatt ma kont spettatur u żgur mhux se nkun illum fil-ħidma politika tiegħi. Qatt ma ħdimt waħdi u bla dubju mhux se nibda mill-lum. 

Jien kommess li bl-appoġġ ta’ kull resident Skalin u bid-direzzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela naslu nagħmlu minn Marsaskala hub ekonomiku fin-Nofsinhar ta’ Malta bl-aktar mod sostenibbli li jipproteġi l-ambjent, jinċentiva l-kummerċ waqt li jġedded l-awtentiċità ta’ waħda mill-ftit bajjiet mhux mittiefsa f’Malta. 

L-enerġija tiegħi hi tal-Iskalin. Ħilieti huma tal-Partit Laburista li jkompli jiġġedded b’politika li ssarraf f’suċċess għall-poplu tagħna. Flimkien irrid li nkunu protagonisti b’għan ċar: dak li nsaħħu lil Wied il-Għajn flimkien, dak li nġeddu lil Marsaskala u fuq kollox, dak li nagħtu lil dan ir-raħal l-importanza turistika, kulturali u soċjali li jixraqlu. 

Jean Claude Micallef MP | 3 distrett

Ekonomija

Sport