Friday, November 15, 2024

Ingħataw aktar minn 300 apparat speċjalizzat lil tfal biex jikkomunikaw aħjar

Talk.mt f’intervista mal-Fundatriċi u Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma rridu li l-ebda tifel jew tifla li jiġu bżonn dan l-apparat speċjalizzat ma jsibuhx. Għalhekk qed ngħidu ‘Għat-Tfal Kollha, Kollha, Kollha’. Għax nafu li dan l-apparat jagħmel differenza kbira fil-ħajja tat-tfal, tal-familjari u anke tal-ħbieb tagħhom.”

Stqarret dan il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li hija l-fundatriċi u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, f’intervista li saritilha minn dan is-sit dwar is-servizzi offruti minn din il-fondazzjoni, fosthom li tgħin lil tfal għomja jew b’nuqqas ta’ vista jew inkella lil dawk li jinsabu fl-ispettru tal-awtiżmu.

Nhar is-Sibt li ġej, din il-Fondazzjoni se tkun qiegħda tiġbor sabiex tgħin aktar tfal li għandhom bżonn l-għajnuna. Sa issa l-Malta Trust Foundation diġà tat aktar minn 300 apparat speċjalizzat lil tfal li għandhom problemi fil-viżta jew li ma jitkellmux, liema apparat qed ikun ta’ għajnuna kbira għalihom biex ikunu jistgħu jikkomunikaw aħjar.

Imma qabelxejn x’kien li wassal lill-President Emeritu Coleiro Preca sabiex twaqqaf din il-Fondazzjoni?

Hija qaltilna li waqqfet il-Fondazzjoni wara d-diversi esperjenzi li semgħet ta’ tfal u anke wara li titkellem mal-ġenituri tagħhom li jitkellmu fuq ċertu bżonnijiet partikolari.

“Din hija NGO li taħseb fuq it-tfal u ż-żgħażagħ li ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u vulnerabbli. Dak kollu li nagħmlu jibda mill-bżonnijiet tat-tfal u ż-żagħżagħ u l-familji tagħhom,” qalet Coleiro Preca.

Hija spjegat li hemm tfal li sfortunatament “ma jinstemgħux” għax ma jitkellmux. Ħafna minn dawn jaqgħu taħt l-ispettru tal-awtiżmu imma wkoll hemm tfal oħra b’diżabilità li ma jitkellmux.

Biex tgħin lil dawn it-tfal jikkomunikaw aħjar, il-Malta Trust Foundation qiegħda tipprovdilhom apparat speċjalizzat, u dan wara li jsir l-assessjar mill-professjonisti.

“Tfal li qatt ma qalu kelma… bis-saħħa tal-apparat illum bdew jitkellmu”

“Għandna tfal li qatt ma qalu kelma. Bis-saħħa ta’ dan l-apparat speċjalizzat illum bdew jitkellmu,” qalet Coleiro Preca. “Kien hemm ukoll tfal li qatt ma qalu x’jixtiequ jieklu jew jesprimu ruħhom x’qed iħossu.”

“Kellna tfal li sofrew minn inċidenti iżda li grazzi għal dan l-apparat, il-ġenituri tagħhom setgħu jieħdu l-azzjonijiet fil-pront. Niftakar każ ta’ tifel li daħlitlu nemusa f’widnejh. Bis-saħħa ta’ dan l-apparat, seta’ jikkomunika m’ommu li għandu xi ħaġa f’widnejh li qed tweġġgħu.

“Din l-omm ħadet lit-tifel għand it-tabib u nstab li vera kien hemm din in-nemusa u li kienet qed tinfjammalu widnejh. Kieku ma kienx dan l-apparat, is-sitwazzjoni setgħet tispiċċa ferm iktar inkwetanti,” qaltilna ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation.

Tkellmet ukoll dwar aktar benefiċċji li joffri dan l-apparat, fosthom li minbarra jgħin lil dawn it-tfal jimxu ‘l quddiem fl-iskola, ikunu jistgħu jiksbu anke d-dinjità tagħhom meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Finalment, staqsejna lill-President Emeritu Coleiro Preca dwar il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Malta Trust Foundation, “Għat-Tfal Kollha, Kollha, Kollha”. Qalet li din il-maratona se tittella’ fl-20 ta’ Mejju li ġej fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha bejn il-11.00 a.m. u l-11.00 p.m.

Hija tenniet li peress li l-apparat jiswa ħafna flus, bilfors ikollhom jitolbu għall-ġenerożità tal-poplu biex ikun assigurat li kull tifel u tifla, huma min huma, jiġu megħjuna u jkollhom dan l-apparat li se jservi ta’ ġid kbir f’ħajjithom.

Ekonomija

Sport