Illum, għall-ħabta tal-11:15 a.m., il-Pulizija ser tressaq raġel il-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima.
Ingliż ta’ 20 sena residenti San Pawl il-Baħar ser jitressaq b’rabta ma’ allegat pussess u traffikar ta’ droga, suspettata kannabis.
Il-pulizija li kien qiegħed ronda fil-Wardija, innota vettura Ford Transit li dehret suspettuża. Wara li għamel ftit ħin isegwi l-vettura, il-pulizija waqqafha fi Triq il-Fortizza.
Hemmhekk huwa talab lis-sewwieq id-dettalji tiegħu u kien hawn li r-raġel beda jaġixxi b’mod suspettuż. Għaldaqstant saret tfittxija fil-vettura u fuq in-naħa ta’ wara nstabet borża sewda u fiha kien hemm żewġ boroż trasparenti mimlija sustanza suspettata kannabis.
Minnufih, intalbet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra fejn minn aktar tfittxijiet li saru fil-vettura nstab miżien żgħir kif ukoll diversi boroż żgħar tal-plastik. Aktar tard saret tfittxija fir-residenza taż-żagħżugħ fejn instabu erba’ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.