Sunday, November 24, 2024

Ingliż mixli li tefa’ sustanza abortiva fit-tazza tal-maħbuba sigrieta tiegħu

Aqra wkoll

Huwa mistenni li llum ikompli jinstema’ l-każ ta’ Darren Burke — Ingliż ta’ 43 sena minn Old Windsor li ġie sospiż minn xogħlu wara li allegatament f’Marzu tas-sena 2020 tefa’ sustanza fit-tazza tal-maħbuba sigrieta tiegħu Laura Slade, waqt diskursata li kellhom rigward it-tarbija tagħhom.

Burke u Slade kienu ltaqgħu l-ewwel darba fl-2005 u bdew ir-relazzjoni tagħhom fl-2020. F’Novembru tal-2020 Slade ħarġet tqila u meta Burke sar jaf li hu missier it-tarbija wera x-xewqa li tintemm it-tqala. Il-Prosekutur Paul Jarvis sostna li “Burke ma xtaqx li Slade twelled it-tarbija” u li saħansitra talabha tagħmel abort għax it-twelid tat-tarbija kien ifisser li ħajjet Burke kienet se tikkrolla minħabba li ma kienx hemm mod ieħor kif seta’ jostor dan is-sigriet — li jkollu iben minn mara oħra — minn martu. Slade min-naħa tagħha xtaqet li tkompli bit-tqala.

Burke u Slade kienu ltaqgħu fid-dar tat-tfajla biex jiddiskutu din l-affari fejn allegatament Burke amministra sustanza abortiva fit-tazza ta’ Slade. Tliet ġimgħat wara d-diskursata tagħhom, fil-Milied, Slade korriet it-tarbija. Però s’issa ma kienx hemm x’juri li dan il-korriment kellu x’jaqsam mas-sustanza li nstabet fit-tazza tagħha. Burke ċaħad li tefa’ sustanza biex Slade tkorri t-tarbija. Meta ġie arrestat fi Frar tas-sena l-oħra, huwa ammetta li xtara sustanza — Mifepristone, però lill-pulizija qalilhom li għamel dan f’każ li Slade tkun trid teħodha. Burke kompla jgħid li meta Slade wriet biċ-ċar li ma tridx tagħmel abort, huwa ddeċieda li jitfa’ s-sustanza fis-sink.

Analiżi forensika kkonfermat li fit-tazza tat-tfajla nstabet sustanza u li din kienet Mifepristone — sustanza li s-soltu l-preskrizzjoni tagħha tingħata mit-tobba lil dawk l-individwi li jkunu jixtiequ jtemmu it-tqala.  

Jarvis issostni li “Burke xtara s-sustanza u sab mod kif ibellagħha lil Slade sabiex hi teħodha mingħajr ma tinduna u tkorri t-tarbija”.

Sport