Fl-aħħar sigħat, intensifikaw il-movimenti marbuta mal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Fil-fatt fl-aħħar sigħat kienu salvati 171 persuna minn żewġ bastimenti ta’ għaqdiet non governattivi, waqt li fl-istess sigħat dgħajsa b’400 Sirjan iddaħħlet mit-Taljani fil-port ta’ Pozzallo fi Sqallija. Fil-Libja, eżattament f’Misrata sar rejd mill-awtoritajiet li fih inqabdu 600 perrsuna mill-Bangladesh li kienu qed jinżammu f’post partikolari lesti biex jagħmlu l-vjaġġ lejn l-Ewropa.
Fl-aħħar sigħat, il-bastiment Ocean Viking salva 70 persuna li kien abbord dinghi waqt li l-bastiment Geo Barents salva 101 immigrant. L-organizazzjoni SOS Mediterranee, li tmexxi l-bastiment Ocean Viking, qalet li fost dawk salvati hemm 17-il minuri mhux akkumpanjat. Huma allegaw li waqt li kienu qed jagħmlu s-salvataġġ uffiċjali tal-Gwardji tal-Kosta Libjani ippruvaw jintervjenu u dan wassal biex inħoloq paniku fost l-immigranti li kienu qed jiġu salvati.
Minn naħa tagħhom, Medecins Sans Frontieres (MSF) li jmexxu l-bastiment Geo Barents iddikjaraw li fost dawk li salvaw hemm erbat itfal u mara tqila. Iż-żewġ bastimenti li wettqu dawn is-salvataġġi sal-bieraħ kienu għadhom qed jistennew li jingħataw port sigur.
Ma’ dawn il-bastimenti, fiċ-ċentru tal-Mediterran hemm il-bastiment Sea Eye 4, li sal-bieraħ kienu għadu ma wettaq l-ebda salvataġġ.
Apparti dan kien hemm xejn inqas minn 500 immigrant li kienu interċettati mill-Gwardji tal-Kosta Libjani, minkejja li dawn għandhom id-dritt li jitolbu għall-ażil. Fit-Tuneżija ukoll jidher li kien hemm movimenti marbutin mal-immigrazzjoni, fejn kien hemm diversi dgħajjes li ħallew ix-xtut tat-Tuneżija. F’każ partikolari, dgħajsa kienet f’diffikultjiet u waqt li ġew salvati 98 immigranti, kien hemm 12 li ttellgħu mejtin u 10 baqgħu ma nstabux.
L-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM) qalet li matul din is-sena kien hemm madwar 4,000 immigranti kienu interċettati mill-Libjani u intbagħtu lura, waqt li madwar 20,000 oħra intbagħtu lura lejn it-Tuneżija bejn Jannar u Settembru tas-sena li għaddiet. Matul din is-sena, 67,000 persuna waslu fl-Italja minn vjaġġi fil-Mediterran.
Irid jingħad ukoll li fl-aħħar sigħat, dgħajsa b’madwar 400 Sirjan iddaħħlet f’Pozzallo. Fil-Libja ukoll saru għadd ta’ rejds fejn f’Misrata inqabdu 600 persuna mill-Bangladesh li kienu lesti li jwettqu l-vjaġġ.