Thursday, December 26, 2024

Ingliża li ġiet Malta għal vaganza tinżamm arrestata wara li ħebbet għas-sieħeb b’mus 

Aqra wkoll

Ingliża ta’ 42 sena u li ġiet Malta għal vaganza sabiex tara lis-sieħeb tagħha, inżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti fejn ġiet mixlija li tatu daqqa ta’ sikkina. Sarah Howe kienet mixlija wkoll li kkaġunatlu feriti ħfief.

Il-Prosekuzzjoni qalet li kemm l-vittma kif ukoll l-imputata kienu taħt l-effett tax-xorb u saħansitra żiedet tgħid li meta sar l-arrest Howe kienet għadha taħt l-effett tal-alkoħol. Hija ġiet mixlija wkoll li użat kliem ta’ theddid fil-konfront tal-allegat vittma.

L-avukat Difensur Lennox Vella għamel talba għal libertà proviżorja, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba n-natura tal-każ u l-biża’ ta’ intralċ tal-provi. 

Il-Qorti caħdet it-talba minħabba n-natura tal-każ u talbet lid-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordi sabiex l-imputata tiġi eżaminata psikoloġikament, sabiex tingħata l-għajnuna kollha possibbli.

Ekonomija

Sport