“Inġustament saret ħsara lili”

- Nathaniel Attard, l-eks direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalita

Aqra wkoll

Nathaniel Attard, li sa ftit tal-jiem ilu kien iservi bħala direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalita, fl-aħħar ħinijiet kiser is-silenzju wara li “tkeċċa” mill-kariga li kellu hekk kif irċieva messaġġ.

Attard jikteb fuq il-midja soċjali fejn jistqarr li “l-mument tal-verità jasal ukoll. Imma mhux l-iskop tiegħi li nagħmel il-ħsara lil ħadd, anke jekk forsi, inġustament, saret lili.”

Jikteb li “fil-ħajja tidra taqla’ u tqum mill-ġdid. U hekk se nagħmel. Kif dejjem għamilt.”

Attard li serva lill-Partit Nazzjonalista għal aktar minn 30 sena fejn kien fost l-ewwel ġurnalisti li ngħaqad ma’ Net News fl-ewwel snin mill-ftuħ tat-televiżjoni qal li “bħalissa qed tisimgħu ħafna dwari. Hija sfortuna li jien spiċċajt niżżeffen fin-nofs, u qed jingħad ħafna minn kullimkien.

“Jien ma rridx ikun l-istorja, qatt ma ridt, dejjem ħdimt minn wara l-kwinti. Temmnux kulma tisimgħu, speċjalment minn min ma jafx aħjar u min żgur li mhux l-iskop tiegħu li jgħin f’sitwazzjoni delikata. 

Li hu żgur u li nista’ naħlef fuqu hu li jien tajt kulma stajt, tajt ħajti, tajt saħħti għall-ideali li dejjem emmint fihom. Servejt għal aktar minn 30 sena b’lealtà f’kull kariga ta’ responsabbiltà li kont fdat fiha.”

Intant One News irraporta li għall-mass meeting tal-20 ta’ Settembru li għadda fuq il-Fosos tal-Furjana, Nathaniel Attard, bħala Direttur tal-Informazzjoni, kiteb id-diskors tal-Kap Nazzjonalista Alex Borg, iżda tħalla fil-għama u ma kien jaf xejn dwar deċiżjoni mħabbra b’tant pompa dakinhar – dik li se flok id-Dar Ċentrali, se jinfetaħ uffiċċju fil-Belt. 

Dan id-dettall, li kien il-qalba tad-diskors ta’ Alex Borg biex, kif qal hu, ikun eqreb ta’ Kastilja, ma ngħatax lil Nathaniel Attard minn qabel u spiċċa jisma’ bih għall-ewwel darba, bħall-bqija, jiġifieri meta tlissen mill-Kap Nazzjonalista.

Id-Direttur ta’ Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Nathaniel Attard tkeċċa mill-kariga b’sempliċi messaġġ u mhux affaċċjat mill-Kap Nazzjonalista Alex Borg.

Kien il-jum tal-Ħadd 27 ta’ Settembru 2026, meta Nathaniel Attard irċieva sempliċi messaġġ li tneħħa minn Direttur ta’ Informazzjoni u mhux se jibqa’ jmexxi t-tim tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Attard kien inġab biex jaħdem f’din il-kariga minn Bernard Grech wara li tneħħa James Aaron Ellul, li tpoġġa librar fl-istamperija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport