F’dawn l-aħħar 10 snin, Malta rreġistrat progress sostanzjali fl-ammont ta’ studenti li qed jibqgħu fis-sistema edukattiva u mhux jitilqu qabel il-waqt. Dan permezz t’approċċ ikkordinat fejn ittieħdu wkoll bosta miżuri.
Fil-fatt, bejn l-2015 u l-2025, Malta naqqset ir-rata ta’ tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (ELET) minn 16.3% għal 8.6%, li huwa wieħed mill-aktar titjib sinifikanti rreġistrati fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, ir-rata ta’ ELET f’Malta hija wkoll inqas mill-medja tal-UE (9.1%). Dan juri l-effettività tar-riformi edukattivi fit-tul u anke jpoġġi lil pajjiżna f’pożizzjoni favorevoli fix-xenarju edukattiv Ewropew.
Dawn ir-riżultati huma elenkati fid-dokument ta’ qabel il-Budget 2027 fejn jingħad li l-pass li jmiss f’dan il-qasam huwa li din ir-rata tkompli tonqos għal 8% filwaqt li jkun żgurat li dan it-titjib jinżamm sostenibbli u li jkun jista’ jirrispondi għall-iżviluppi edukattivi u soċjo-ekonomiċi tal-futur.
Fid-dokument issir referenza għall-programm Family Community School Link (FCSL) li għandu rwol importanti ferm fil-qafas preventiv ta’ pajjiżna biex jonqos it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. B’kollaborazzjoni bejn l-iskejjel, il-familji u l-komunitajiet lokali, dan il-programm jidentifika sfidi fl-edukazzjoni mill-istadju bikri u jipprovdi appoġġ kordinat u f’waqtu lill-istudenti u l-familjari tagħhom.
Bħalissa dan il-programm jopera fi 30 skola, filwaqt li huwa mistenni jiġi estiż fis-snin li ġejjin sabiex ikopri l-iskejjel kollha u sussegwentement jestendi wkoll għal faċilitajiet taċ-childcare.
L-investiment li sar fil-programm Reading Recovery flimkien ma’ inizjattivi oħra li ttieħdu jipprovdi intervent bikri u intensiv għal studenti li jesperjenzaw diffikultajiet fil-qari u l-kitba matul is-snin bikrin tal-edukazzjoni obbligatorja.
Dawn l-interventi għandhom l-għan li jidentifikaw u jindirizzaw id-diffikultajiet fil-litteriżmu fi stadju bikri, qabel ma dawn isiru ostakli fit-tul għall-kisbiet edukattivi.

