Monday, May 6, 2024

INĦADDRU L-QALBA TAL-IRĦULA U L-IBLIET

Aqra wkoll

Illum, xi  ħaġa li qiegħda tħasseb lill-poplu tagħna hi dik marbuta mal-ambjent fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna. Spiss tisma nies jilmentaw minn proġetti ta’ kostruzzjoni. Qegħdin naraw dejjem  proġetti ta’ kostruzzjoni li meta inbnew litteralment ħassru l-immaġini tal-ta’ parti mill-irħula u l-ibliet tagħna. Jekk wieħed idur l-ibliet u l-irħula faċilment jara proġetti simili.

Ma’ dan imbagħad hemm problema oħra – dik tal-ħdura fil-qalba u l-ibliet tagħna. Qamu argumenti fuq ġonna vertikali. Qamu argumenti biex żoni fil-qalba tal-ibliet u l-irħula ikunu pedonali. Minkejja dan, ħafna jħossu li fadal ferm u ferm aktar xi jsir. 

Illum hu fatt li żoni pedonali fil-qalba tal-ibliet u l-irħula qegħdin isibu oġġezzjonijiet minn sezzjonijiet li għandhom in-negozju fl-istess toroq, bl-argument ikun li jekk triq tiġi pedonali, jonqos il-kummerċ. Jargumentawlek li llum il-mentalità tal-poplu hi li anke biex membru ta’ familju imur jixtri fl-istess raħal jagħmel dan billi juża l-karozza.

Quddiem dan imma qegħdin nibgħu f’ċentri fl-irħula u l-ibliet li huma niesa għal kollox minn ambjent aħdar. Id-domanda hi dik ta’ meta se nibdew iħarsu lejn x’għamlu pajjiżi oħra barranin. Pajjiżi Mediterranji li għandhom postijiet, fil-qalba ta’ ibliet u lokalitajiet oħra, li hu karatterizzati minn siġar li jagħtu dehra mill-isbaħ tal-post. Dawn issibhom f’postijiet bħall-Italja, Greċja u oħrajn. 

Is-sitwazzjoni f’pajjiżna hi dik li permezz ta’ diversi inizjattivi li jippromwovu il-parteċipazzjoni tan-nies fis-suq tax-xogħol, Malta qabżet il-miri Ewropej ta’ 70 fil-mija tar-rata ta’ nies attivi. Ma’ dan imbagħad għandek l-inqas rata ta’ qagħad li qatt kellna. Barra minn hekk, inċentivi ta’ taxxi wasslu sabiex nattiraw  lejn pajjiżna investiment barrani regolari. 

Lil hinn minn dan imma joħorġu għadd ta’ domani. Fejn se nmorru fis-snin li ġejjin? Kif se jkun l-ambjent tagħna fl-ibliet u l-irħula? Illum il-kuxjenza ambjentali kibret ħafna imma minkejja dan għad jonqos xi jsir. Fuq kollox wieħed irid jgħid meta se tiġi trattata l-mentalità li kullimkien irridu nmorru bil-karozza? Meta l-poplu verament se jibda juża aktar it-trasport pubbliku li llum hu bla ħlas? Għax fuq kollox kif nistgħu nieħdu miżuri biex inħaddru l-ibliet u l-qalba tal-irħula tagħna, jekk se nibqgħu nħallu liċ-ċentri ta’ dawn il-postijiet fgati bil-karozzi?

Nemmnu li wasal iż-żmien li nimplimenta miżuri sostenibbli li jissalvagwardjaw il-kwalità tal-ħajja. Kellna miżuri ambjentali tajbin fl-aħħar snin bħal dik tat-tneħħija ta ‘single use plastik’, pass kbir lejn is-salvagwardazzjoni tal-ambjent hekk kif il-maġġoranza ta’ skart iġġenerat huwa dak minn ‘single use plastic’. 

Ma’ dawn imma hemm bżonn miżuri  oħra kuraġġużi. Irridu nsibu soluzzjonijiet sostenibbli li verament jipproteġu l-ambjent tagħna għall-futur. Pajjiżna illum żgur li ma jiflaħx aktar li l-karozzi ikompu jiżdiedu bir-rata li qegħdin jiżdiedu. It-toroq tagħna  ma jifilħux aktar żidiet ta’ karozzi. Nafu biżżejjed li llum tmur fejn tmur issib problema kbira ta’ parkeġġ. 

Kienu ssemmew u anke ġew imbuttati proġetti bħal dak li proposa it-tisqif ta’ triq li tagħti lejn il-mini ta’ Santa Venera. Bla dubju  proposta tajjeb ħafna. Spazju li llum hu mitluf vista’ jkun utli għar-residenti u nies oħra. Sitwazzjoni simili tista’ ssir ukoll fil-Marsa. Ma’ din kien hemm ukoll il-proposta għal Triq Sant Anna.

Nemmnu ukoll li pajjiżna għandu jagħmel ħafna aktar fejn jidħlu il-ġonna vertikali. Sa issa fuq dan il-qasam għadna għamilna proġetti fit wisq b’mod partikolari fen jidħol il-privat. Nemmnu li dan il-kunċett għandu jiddaħħal aktar u jingħata spinta l-quddiem.

Fuq kollox, nemmnu li rridu naraw kif il-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna ikunu żoni pedonali. Żoni ħodor, biex jitgawdex minn nies u r-residenti u mhux iservu ta’ żoni biex minnhom jgħaddu l-karozzi.

Sport