Saturday, December 21, 2024

“Inħares ‘il quddiem għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fl-2023”

Aqra wkoll

Intervista mal-player tal-basketball Steffi De Martino

Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Minn età żgħira dejjem kont interessata f’kull tip ta’ sport. 

Kont nilgħab il-football, atletika, tennis u l-basketball. Ommi kienet tilgħab il-basketball hi stess u għalhekk l-espożizzjoni tie­għi għal-logħba kienet enormi. 

Dan ippermettieli nido­lizza ftit players u ppermettieli nattendi sessjonijiet ta’ taħriġ magħha bit-tama li t-team ikollu bżonn xi player għat-taħriġ biex ikunu jistghu jgħaqqdu 10 players għal xi logħba. 

Għaldaqstant l-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet minn etá żgħira. 

Hemm xi logħbiet li tib­qa’ tiftakarhom iktar minn oħrajn fil-karriera tiegħek sa issa?

S’issa lgħabt numru kbir ta’ logħob fil-karriera tiegħi u kull waħda kienet tfisser għalija xi ħaġa biex wasslitni fejn qiegħda llum. 

Niftakar l-ewwel dehra tiegħi fl-2009 mat-team nazzjonali tal-kbar meta kien għad kelli biss  15-il sena fejn ipparteċipajna fil-Lo­għob tal-Mediterran, f’Pescara, kontra timijiet li kienu lil hinn mill-kalibru tagħna. 

Uħud mill-players li lgħabt kontrihom lagħbu fil-WNBA matul il karriera tagħhom. L-ewwel midalja tiegħi tad-deheb mat-team nazzjonali hija wkoll denja ta’ referenza, fil-kategorija ta’ Taħt it-18-il sena fl-2008 u fil-kategorija tal-kbar fl-2010 fl-Armenja fejn irbaħna l-finali b’vantaġġ ta’ disa’ punti kontra t-team ospitu – b’court mimli partitarji Armeni. Kienet esperjenza li ma ninsa qatt!

X’tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Starlites GIG Naxxar?

Fl-2019 ingħaqadt mal-club tal-Basketball Starlites. 

S’issa kienet esperjenza tajba ħafna kemm li nilgħab taħt il-gwida ta’ coach b’filosofija simili għal tiegħi u li nilgħab ma’ wħud mill-iktar players ta’ talent u promettenti ta’ Malta fis-settur tan-nisa.

Dejjem xtaqt nikkontrib­wixxi b’xi mod lejn l-esperjenza tal-juniors li għandhom l-istess attitudni u rieda li jitgħallmu l-logħba bħalma kelli jien meta kelli l-età tagħhom. Ħassejt li Starlites kienet il-pjattaforma t-tajba għalija. 

Din is-sena kont sfortunata li weġġajt wara l-ew­wel logħba u għalhekk ilni disa’ ġimghat barra mil- logħba. Peró, bis-sapport kontinwu tal-club, coach u l-players kollha nispera li nirritorna f’Jannar fejn ilkoll se nkunu qed naħdmu għar-rebħ tal-kampjonat. 

U fuq l-impenji li kellkom din is-sena bħala team nazzjonali fosthom barra minn xtutna?

Din is-sena l-esperjenza tat-team nazzjonali kienet karatterizzata mill-iżvilupp tal-players li telgħin. 

It-team kien kompost minn taħlita sabiħa ta’ players ta’ esperjenza u oħrajn żgħażagħ. Personalment kont diżappuntata bir- riżultat li ksibna din is-sena, speċjalment fl-aħħar logħba fejn ħallejna l-logħba tiżloq minn idejna fl-aħħar ħames minuti.

Madankollu din l-esperjenza se sservi biex tkun utli fil-futur qrib hekk kif inwittu t-triq għall-GSSE 2023. 

Huma esperjenzi bħal dawn li jwasslu biex team jirbaħ il-midalji tad-deheb. Trid titgħallem kif titlef qabel ma tkun tista’ ssir champion. Dan il-kampjonat ma kissirniex, iżda pjuttost kabbarna għal dak li ġej.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek, u mal-logħob li jkollok?

Nemmen li l-bilanċ hu­wa kruċjali f’dak kollu li tagħmel mhux biss fl-isport. Pero, il-basketball dejjem kien prijorità f’ħajti u minn etá żgħira fhimt li jekk ridt niddedika l-ħin għal xi ħaġa li kont inħobb kelli nsib mod kif nagħmilha taħdem. Nemmen li din hija l-isbaħ parti tal-isport – tiddixxiplinak b’modi li xejn ieħor ma jagħmel!

Player tal-kalibru tie­għek ġieli kkunsidrajt li tmur tilgħab barra minn Malta?

Ġejt offruta bosta opportunitajiet biex nilgħab barra l-pajjiż, inkluża scholarship fl-Istati Uniti, li dejjem irrifjutajt. 

Jien persuna ambiz­zjuża ħafna, kemm fil-ħajja kif ukoll fl-isport, u ħassejt li kien hemm opportunitajiet oħra fil-ħajja personali tiegħi li jien ridt naħdem għalihom. 

Għandi l-mumenti tie­għi fejn naħseb fuq din id-deċiżjoni speċjalment me­ta nara basketball internazzjonali. Madankollu m’għandi l-ebda dispjaċir għal fejn qiegħda llum.

X’tikkummenta fuq ir-ri­żorsi u l-court fil-Padiljun f’Ta Qali li fihom tilgħab speċjalment meta mqabbla ma’ dawk li tilgħab fihom barra minn Malta mat-team nazzjonali?

Jien assolutament ma nis­tax immaqdar il-padiljun tal-basketball tagħna.

Din is-sena rajna titjib fil-padiljun tagħna li laħaq ċertu livell li mhux dejjem insibu barra minn xtutna. Kultant naħsbu li Malta hija dejjem agħar minn oħrajn, madankollu nikkonferma li kkompetejt f’padiljuni agħar matul is-snin barra min xtutna. 

Irrid nieħu dan il-mument biex nirringrazzja lill-MBA u lil SportMalta talli investew fil-Padiljun tagħna u żiedu l-istandard tie­għu. 

Għandna nkunu kburin bil-padiljun tal-basketball f’Malta

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?

M’għadnix meqjusa ‘żgħira’ imma żgur li qed inħares ‘il quddiem għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta fl-2023. Dak sa fejn qed inħares s’issa! 

Peró għandi mħabba kbira lejn il-logħba ta’ 3×3 li qed tikber madwar id- dinja kollha wara d-debutt fl-Olimpjadi ta’ Tokjo. Żgur li se ssibuni nilgħab 3×3 fil-futur!

Taħseb li għad jasal żmien f’Malta meta player tal-basketball  kemm fil-kamp maskili kif ukoll f’dak femminili jista’ jgħix eskussivament mill-basketball?

Naħseb li mxejna ħafna imma għad fadlilna x’nagħ­mlu biex dan iseħħ – mhux għax m’għandniex it-talent, imma għax m’għandniex l-istrutturi disponibbli.

Għalkemm il-mentalitá tjiebet xi ftit, l-isport dej­jem kien meqjus bħala passatemp aktar milli bħala professjoni f’pajjiżna. 

Biex inkunu nistgħu naslu għal dak il-livell ta’ professjonaliżmu neħtieġu mhux biss atleti profes­sjonali, iżda coaches professjonali, faċilitajiet imtejba li mhux biss joffru spazji ta’ gyms, iżda joffru ses­sjonijiet ta’ strength and conditioning għall-atleti, programmi ta’ rijabilitaz­zjoni, programmi off season, pjani ta’ nutrizzjoni u affarijiet oħra. 

Id-dinja tal-isport hija kbira ħafna u biex naslu għal-livell professjonali fadlilna ftit x’naqdfu. 

Tkun ħolma li tara l-isport f’Malta jitjieb fuq dak il-livell. 

Bħalissa hemm skema minn SportMalta, fejn bħala atleta tal-basketball qed nittrenja sitt sigħat fil­għodu, minbarra t-taħriġ li diġá kont nagħmel mal-club. 

Dawn is-sigħat qed jit­naqqsu mill-ħinijiet tax- xogħol tiegħi fejn SportMalta qed iħallsu lil min iħaddimni. Dawn it-tip ta’ skemi huma dak li jressaq lill-atleti Maltin lejn kar­riera iktar professjonali. 

Bħala player ta’ suċċess fil-basketball lokali u li għad għandek x’toffri li din il-logħba, tista’ tgħaddi messaġġ  lil dawk li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball?

Minn età żgħira dejjem kien hemm punt wieħed li żammejt f’moħħi – jekk nittrenja daqs kulħadd, inkun tajba daqshom. Jekk ridt inkun aħjar, kelli nagħ­mel iktar. 

Trid taħdem ħafna jekk trid tirnexxi – m’hemmx triq tan-nofs!

Ekonomija

Sport