Monday, May 13, 2024

Gianni Infantino jgħid li għandu appoġġ kbir biex issir Tazza tad-Dinja biennali

Aqra wkoll

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, jemmen li għandu l-appoġġ tal-maġġoranza għall-pjan biennali tiegħu tat-Tazza tad-Dinja, wara li l-mexxejja nazzjonali tal-football qalulhom li l-bidla se toħloq $4.4 biljuni żejda fi dħul għall-għaqda dinjija.

Il-FIFA għamlet ‘summit globali’ ta’ mexxejja tal-federazzjonijiet nazzjonali tal-football biex tiddiskuti l-proposta tagħha li tiżdied il-frekwenza tat-Tazza tad-Dinja minn kull erba’ snin għal sentejn.

Id-data finanzjarja tifforma parti minn studju ta’ fattibbiltà ġenerali, li tiegħu l-FIFA ppreżentat sommarju nhar it-Tnejn b’rapport sħiħ ta’ 700 paġna li se jiġi ppubblikat.

Is-sejbiet pożittivi huma f’kuntrast evidenti mal-analiżi mressqa minn kritiċi tal-proposti.

Kien hemm oppożizzjoni minn clubs Ewropej, l-ogħla kampjonati u l-għaqda li tmexxi l-football Ewropew, il-UEFA, li l-president tagħha, Aleksander Ceferin, hedded li jibbojkottja kwalunkwe tour­nament addizzjonali.

Għadu ma hemm l-ebda vot skedat għall-pjan, iżda Infantino qal li kien hemm maġġoranza għall-idea iżda jeħtieġ li tiġi ttrattata bħala parti mir-reviżjoni usa’ tal-kalendarju internazzjonali tal-logħob.

“Kieku kont se nivvota għada probabbilment il-maġġoranza tivvota favur Tazza tad-Dinja kull sentejn,” qal Infantino f’konferenza tal-aħbarijiet wara s-summit.

“Iżda mhux is-suġġett, qed inħarsu lejn il-kalendarju kollu u kif nistgħu nagħmlu l-football aħjar u kemm nistgħu nġibu abbord b’mod ġdid ta’ kif norganizzaw il-futur fil-football,” huwa żied jgħid.

MIFTUĦ U FLESSIBBLI

Infantino ma jgħidx meta se jsir xi vot jew jekk hux se jkun fuq l-aġenda fil-kungress tal-FIFA f’Doha, fil-31 ta’ Marzu.

“Hija dwar li nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba għall-football fl-aħħar tal-ġurnata u se nieħdu l-ħin li hemm bżonn, biex naslu għal din id-deċiżjoni. Jien mhu se nimpenja ruħi għal xejn fil-kungress. Kollox huwa miftuħ u flessibbli.

“Inkomplu d-djalogu, l-analiżi, nittamaw li nistgħu nagħmlu progress, mod jew ieħor, jew xi triq tan-nofs, naraw,” huwa tenna.

Soluzzjoni waħda ta’ kompromess ġiet ippreżentata mill-pre­sident tal-CONCACAF, Victor Mon­tagliani, li jmexxi l-konfede­razzjoni għall-Amerika ta’ Fuq u Ċentrali u l-Karibew.

Montagliani qal li aktar kmieni dan ix-xahar li tournament addiz­zjonali jista’ jkun verżjoni mġedda tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet l-antika aktar milli Tazza tad-Dinja sħiħa bi proċess ta’ kwalifikazzjoni separat.

Ix-xahar li għadda, rapport ikkummissjonat mill-World Leagues Forum qal li l-proposta tal-FIFA, alleata ma’ bidliet fit-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tista’ tiswa lill-kampjonati kbar tal-football domestiċi u lill-UEFA madwar €8 biljun ($9 biljun) kull staġun fid-drittijiet tat-televiżjoni mitlufa u l-ġurnata tal-partita u ftehimiet kummerċjali.

Nhar il-Ġimgħa, il-UEFA ppubblikat rapport li kienet ikkummissjonat mid-ditta ta’ konsulenza      Oliver & Ohlbaum li wissiet li t-tibdil fil-kalendarju internazzjonali kien se jara d-dħul għall-federaz­zjonijiet nazzjonali Ewropej jonqos bejn €2.5 u 3 biljun ($3.38 biljuni) fuq ċiklu ta’ erba’ snin.

OPPOŻIZZJONI LI HIJA

BBAŻATA FUQ IL-BIŻA’

Id-delegati fis-summit tat-Tnejn qalulhom li rapport tal-kumpanija Taljana, Open Economics, sab li d-dħul tal-kampjonati domestiċi u l-kompetizzjonijiet tal-UEFA ma kienx imweġġa’ minn kompetiz­zjonijiet tat-timijiet nazzjonali u tal-clubs internazzjonali.

Rapport minn Nielsen bassar li l-pjan biennali tat-Tazza tad-Dinja se jara d-dħul jiżdied minn $7 biljun mistennija – għal tournament ta’ 48 team – għal $11.4 biljuni fuq ċiklu ta’ erba’ snin grazzi għal żieda fir-riċevuti tal-biljetti u drittijiet tal-midja u dħul ta’ sponsorships.

Uffiċjali tal-FIFA qalu lid-delegati li $3.5 biljuni mid-dħul żejjed se jmorru għal ‘Fond ta’ Solidarjetà tal-Assoċjazzjoni tal-Membri’ ġdid b’kull federazzjoni nazzjo­nali allokata madwar $16-il miljun f’perjodu ta’ erba’ snin, filwaqt li fondi żejda jingħataw ukoll lill-Programm Forward tal-FIFA għal proġetti ta’ żvilupp.

Il-FIFA qalet li l-fondi jgħinu biex jitnaqqas id-distakk fid-dħul bejn is-swieq tal-football żviluppati u dawk inqas żviluppati.

Flimkien mal-UEFA, il-konfe­derazzjoni tal-Amerika t’Isfel CONMEBOL opponiet il-proposta.

Arsene Wenger, il-kap tal-FIFA għall-Iżvilupp Globali tal-Football qal li jittama li d-dibattitu jinbidel fil-ġimgħat li ġejjin.

“Aħna niffaċċjaw oppożizzjoni iżda li jiddispjaċini hu li 90% ta’ din l-oppożizzjoni hija emozzjoni u mhux fatti u mhux analiżi, irridu ngħaddu minn din il-biża’ għax ħafna mill-emozzjonijiet li niffaċ­ċjaw huma bbażati fuq il-biża’,” qal il-Franċiż.

Sport