Monday, October 14, 2024

Inħarsu s-saħħa mentali tal-poplu tagħna

Aqra wkoll

Illum huwa fatt ikkonfermat li l-pandemija tal-Covid-19 u kriżijiet oħra li feġġew fl-Ewropa fis-snin bejn l-2020 u l-2022 ħallew impatt qawwi fuq is-saħħa mentali tal-popolazzjoni sħiħa madwar l-Ewropa, kif ġara wkoll f’partijiet oħra tad-dinja.

Waqt li dan kien qed jiġi ippruvat xjentifikament mill-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea bdiet tħejji pjan komprensiv ta’ azzjoni dwar is-saħħa mentali għall-Ewropa kollha. Dan il-pjan, li mbagħad gie ppubblikat f’Ġunju tas-sena l-oħra, jinkludi budget ta’ aktar minn elf miljun Ewro biex jgħin lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex ipoġġu s-saħħa mentali tal-popli tagħhom fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tagħhom.

Jien inħoss li f’Malta wkoll għandna nagħtu din l-importanza kbira lis-saħħa mentali tal-poplu tagħna u se nkun qed naħdem biex nara li dak li toffrilna l-Unjoni Ewropea biex naħdmu f’dan il-qasam, nużawh tassew biex dan is-suġġett f’pajjiżna jitla’ ‘l fuq fl-aġenda tal-prijoritajiet tal-Gvern.

Hemm affarijiet li qed jitlob dan il-Pjan Ewropew għas-Saħħa Mentali li jew diġa’ bdew jiġu implimentati jew li għandna bżonn naħdmu fuqhom biex nimplimentawhom. Irridu li s-saħħa mentali taċ-ċittadini tagħna tingħata l-importanza li qed nagħtu lill-kumplament tas-saħħa fiżika tan-nies. Dan ifisser li rridu nieħdu ħsieb il-prevenzjoni tal-mard mentali daqs kemm nagħtu każ il-prevenzjoni ta’ kull mard ieħor.

Mill-banda l-oħra, kulħadd irid ikollu aċċess għall-kura u t-trattament ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali bħalma nagħtu għal kull kundizzjoni ta’ saħħa oħra.

Imbagħad importanti ħafna, li wara li nkunu tajna l-kura u t-trattament li jeħtieġ lil kull min ikollu bżonn jingħata din l-għajnuna, niżguraw li dawk milquta jkunu mill-ġdid integrati fis-soċjetà bħalma kienu qabel.

Se nkun qed naħdem fuq dawn il-prinċipji għax inħoss li dan huwa qasam importanti ħafna li mhux dejjem nagħtu kasu biżżejjed.

Sport