Friday, December 27, 2024

“Inħeġġeġ lin-nies jiġu jiċċelebraw id-diversità li tgħaqqadna flimkien”

Maria Azzopardi, President tal-Allied Rainbow Communities

Aqra wkoll

Kollox jinsab lest biex illejla jingħata bidu għall-EuroPride Valletta 2023, li huwa l-akbar avveniment ta’ diversità fl-Ewropa. Dan l-avveniment varjat u komprensiv, mifrux fuq għaxart ijiem, se jagħti spazju lill-komunità LGBTIQ+ twassal il-messaġġ tagħha.

Intant, Maria Azzopardi, President tal-Allied Rainbow Communities, f’kummenti li għaddiet lil dan is-sit qalet: “Nibdew illum. F’termini ta’ kemm se jkun kbir, qed nistennew ftit eluf ta’ persuni li se jiġu apposta għal dan l-avveniment minn barra minn xtutna għal spettaklu li se jkun kbir. Għall-ewwel tliet ijiem ta’ attivitajiet, kellna nċsaqlilqu l-post minħabba l-maltemp fejn ma ħassejniex li jkun idoneu li nużaw Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta, u minflok se nkunu qed nużaw l-MFCC f’Ta’ Qali.”

“Għal sena oħra ninsabu l-ewwel fir-Rainbow Europe Index, li jfisser li f’termini ta’ drittijiet, regoli u leġiżlazzjonijiet, qegħdin fil-quċċata fl-Ewropa.”

“Se jkun hemm ftit minn kollox għal kulħadd bi programm varjat mhux ħażin ta’ talent varjat minn artisti Maltin u anke dawk barranin. Inħeġġeġ lin-nies biex jiġu u jieħdu pjaċir magħna biex flimkien niċċelebraw dak li s’issa irnexxielna niksbu bħala komunità u niċċelebraw d-diversità li tgħaqqadna flimkien.”

Sadanittant, il-ftuħ uffiċjali tal-EuroPride se jkun qiegħed isir fl-MFCC, f’Ta’ Qali, minflok fi Pjazza Tritoni minħabba l-maltemp imbassar fuq il-gżejjer Maltin bħala miżura ta’ sigurtà.

L-attivitajiet se jibdew b’show spettakolari bl-aqwa kantanti u talent lokali u jinkludi l-kanzunetta uffiċjali tal-EuroPride Valletta 2023 “We are Pride” minn Matt BLK, Destiny u Owen Leuellen akkumpanjati miż-żeffiena Dance LabMT b’koreografija ta’ Luke Brincat.

Il-Pride March u x-show tas-Sibt f’Ghawdex se jsiru kif ippjanat diment li t-temp jippermetti. Il-EuroPride Village fi Pjazza Tritoni se jiftaħ mit-Tnejn li ġej, fejn kull filgħaxija se jkun hemm diskussjonijiet interessanti bħala parti mill-attivitajiet. Fost it-temi li se jiġu diskussi nsibu s-saħħa, is-sesswalità, l-identità, ir-relazzjonijiet bejn persuni LGBTIQ+ u l-irwol tar-reliġjon.

“Aħna rridu li l-EuroPride tkun okkażjoni ta’ attiviżmu mifrux mal-komunità kollha, biex dejjem jiġu mifhuma r-realtajiet tal-persuni LGBTIQ+, fost oħrajn fil-qasam tax-xogħol, fil-ħajja tal-familja u f’kull aspett ieħor sabiex nassiguraw li l-ugwaljanza tkun ipprattikata fil-ħajja ta’ kuljum,” saħqet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.

Ekonomija

Sport