Friday, December 13, 2024

“Inħossni għajjejt … inħoss li issa tefgħuni sena lura”

Id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal jisħaq li mhux minnu li familji huma mitluqa għal riħhom

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Nisimgħu ta’ spiss b’każijiet ta’ ġlied u separazzjonijiet bejn il-koppji fejn hemm ammont sostanzjali minnhom li huma każijiet ta’ vjolenza domestika. Meta jkun hemm dan it-tip ta’ nkwiet it-tfal huma l-aktar li jbatu. Ibatu minn ħsara psikoloġika u emozzjonali, liema ħsara jekk mhux indirizzata immedjatament tibqa’ tkarkar għal ħajjithom kollha. F’ċerti każijiet it-tfal mhux biss jaraw ġenitur jsofri minn vjolenza domestika, imma jesperjenzaw vjolenza fiżika fuqhom jew ikunu f’xi tip ta’ periklu relatat.

It-tfal f’ambjent ta’ vjolenza domestika huma f’riskju u din hija l-karba ta’ omm li allegatament, minkejja li fittxet l-għajnuna, mhiex issib is-sostenn meħtieġ għaliha u agħar minnhekk, għal uliedha. Dan b’mod speċjali issa li allegatament ġiet infurmata li l-file mid-dipartiment tal-protezzjoni tat-tfal ingħalaq. Dan minkejja li skont hija, uliedha għad għandhom bżonn il-protezzjoni tal-awtoritajiet.

“Inħossni għajjejt. Ċempluli minn tal-Protezzjoni tat-Tfal u qaluli li każ se jingħalaq. Dan minkejja li hemm provi biżżejjed li t-tfal u jien ninsabu f’periklu minħabba l-aġir ta’ missierhom. Dan għadu taħt l-istess saqaf magħna. Inħoss li issa tefgħuni sena lura,” qalet imbikkma din l-omm.

Id-Direttorat b’karigu li jinvestiga u jieħu azzjoni…

Dan is-sit irrefera dan il-każ u l-ilmenti ta’ din l-omm lill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal fejn filwaqt li nfurmawna li d-Direttorat għall-Ħarsien tat-tfal għandu rabta ta’ sigriet u allura dik tipprekludieh milli jkun jista’ joffri informazzjoni lil terzi, b’mod ġenerali, sostnew li d-Direttorat għandu l-inkargu li jinvestiga r-rapporti u li jieħu kwalunkwe azzjoni biex timmitiga dak li jirriżulta mill-investigazzjoni. 

“F’każijiet fejn l-assessjar tad-Direttorat ma jirriflettix preżenza ta’ abbuż fuq it-tfal, jew riskji fuq it-tfal, dan id-Direttorat ma jibqagħlux ġurisdizzjoni fejn jaħdem. B’hekk il-familji normalment ikunu iggwidati biex jużaw servizzi oħra li jistgħu jgħinuhom aħjar,” qal il-kelliem tal-Ministeru.

Huwa spjega li fuq il-mertu ta’ protezzjoni tat-tfal, “nistgħu nagħtu l-assigurazzjoni li l-għajnuna mhix fażulla, jew ta’ fuq il-karta. Il-protezzjoni tat-tfal huwa valur sanċit fl-ispirtu tas-servizzi kollha u mhux biss tad-Direttorat tat-Tfal”. 

Il-Ministeru qalilna li t-tfal igawdu minn firxa wiesgħa ta’ servizzi pprovduti kemm mill-Ministeru tal-Familja, tas-Saħħa u anke dak tal-Edukazzjoni. “Mingħajr impedimenti, it-tfal jistgħu jirċievu servizzi u sessjonijiet ma’ professjonisti biex ikunu jistgħu jingħataw dak li għandhom bżonn. Filwaqt li ma nistgħux noffru informazzjoni relatata mal-każ, biss l-idea li familji huma mitluqa għal riħhom mingħajr possibiltà ta’ sapport u għajnuna, mhux neċessarjament mid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, mhix veritiera”.

“Kulma jixtiequ t-tfal huwa li ngħixu fil-paċi u mhux fil-biża’…”

Min-naħa tagħha din l-omm Maltija spjegat li l-unika raġuni li tawha għala ngħalaq il-każ, kien li t-tifla tagħha għandha ħaddiema soċjali fl-iskola. Hija, iżda, sostniet li kemm ilha li spiċċat l-aħħar sena skolastika, bintha għandha ma ngħatax appuntament ieħor. Imbikkma l-mara qalet li, “kulma jixtiequ t-tfal huwa li nieħdu ħajjitna lura u li ngħixu fil-paċi u mhux fil-biża’. Ilna s-snin hekk”.

L-allegata vittma ta’ vjolenza domestika tinsab fi proċeduri ta’ separazzjoni imma minħabba għadd ta’ raġunijiet il-familja, bħal ammont sostanzjali oħrajn bħalha, għadha tgħix taħt l-istess saqaf. Dan l-ambjent aktar ma jmur aktar jidher li qiegħed jiggrava minħabba li l-allegat għajjat, ġlied u theddid żdied. F’dan il-każ il-missier allegatament hedded li se jpoġġi cameras fid-dar “biex ikun jista’ jara dak kollu li nagħmlu”.

L-omm ilmentat li l-proċeduri fil-qorti barra li jieħdu fit-tul, “ifarkuk aktar bil-flus li joħdulek għax meta titfaħ kawża tiġi madwar €380 kull darba. Jien kollox waħdi u m’inix inlaħħaq. Hekk m’aħniex ngħixu. Qegħdin biss neżistu… u dan fil-vera sens tal-kelma”. 

Filwaqt li spjegat li s-smigħ li jmiss fll-Qorti baqagħlu sena oħra, din l-omm sosniet li għamlet diversi rapporti mal-Pulizija u li minħabba s-sitwazzjoni fid-dar, ħadd mill-qraba tagħha ma huwa jmur għandha. 

“Din mhux weġgħa oħra għalija? Jien u t-tfal dejjem waħidna d-dar. Ma nafx… Ikun fadallek naqra moħħok tajjeb, żgur li ma jibqax f’sitwazzjoni bħal din,” temmet b’nota ddisprata din l-omm.

Ekonomija

Sport