Sunday, October 27, 2024

Inizjattiva ambjentali li mistennija tinfirex f’lokalitajiet oħra

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-għaqda mhux governattiva Żibel ħadet l-inizjattiva biex jinġabru kemm jista’ jkun fliexken tal-plastik. Dan sar waqt il-festa tar-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ li saret il-ġimgħa li għaddiet fejn tpoġġiet kaxxa mdaqqsa biex fiha jintefgħu fliexken tal-plastik li ntużaw fil-ġimgħa tal-festa. Minn din l-inizjattiva nġabru kważi 1,000 flixkun tal-plastik illi kieku ma sarx hekk dawn kienu jispiċċaw fit-triq jew inkella f’xi skip. 

Din l-inizjattiva mistenni li tinfirex f’lokalitajiet oħrajn fejn diversi Kunsilli se jagħmlu bħalma għamel il-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ waqt l-attivitajiet tal-festi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Ikkonferma dan il-ko-fundatur u Ċermen tal-imsemmija NGO, Andrew Schembri,  f’kummenti li għadda lil dan is-sit b’rabta ma’ din l-inizjattiva li ġibdet interess kbir u tifħir minn bosta nies li jħobbu u jindukraw l-ambjent. 

Huwa beda biex spjega li din ma kinitx l-ewwel darba li qed issir din l-inizjattiva, iżda f’dawn l-aħħar sentejn ma saritx minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Qal li l-ewwel kienu bdewha fl-Università mbagħad kompla jiżdied l-interess fiha u bdiet issir ukoll f’lokalitajiet oħrajn anke waqt il-festi.

“L-għan tagħna mhuwiex li tkun ta’ darba, imma li tkun xi ħaġa li nibdew narawha b’mod regolari. Dan huwa l-ewwel pass fl-immaniġġjar tal-iskart fl-istaġun tal-festi,” qal is-Sur Schembri. Huwa qal li kull festa tiġġenera tunnelati ta’ skart u inizjattiva bħal din fuq skala kbira hi waħda ideali. 

Mistoqsi jekk jaħsibx li setgħu jinġabru aktar fliexken tal-plastik, huwa qal li “dejjem nistgħu niġbru aktar billi l-kaxxa tesa’ sa kważi 2,000 flixkun”. Mill-banda l-oħra huwa  tenna li dan kien l-ewwel pass fejn jidħol is-separazzjoni tal-iskart fil-festi u jidher li niżlet tajjeb ma’ ħafna wkoll. 

Schembri tkellem ukoll dwar attivitajiet oħra li jagħmlu tul is-sena fosthom clean-ups regolari kull xahar. Huwa spjega li mill-2017 lil hawn ġabru mal-117-il tunnellata ta’ skart mill-ambjent tagħna, tliet kwarti minnhom mill-ibħra Maltin. Apparti minn hekk, jagħmlu riċerki dwar il-microplastics u matul din is-sena se tissokta l-ħidma tagħhom mal-Kunsilli Lokali biex ikollna aktar ambjent nadif u sabiħ fil-lokalitajiet tagħna. 

Wieħed jista’ jsegwi aktar dwar il-ħidma li qiegħda tagħmel din l-NGO billi jidħol fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook. 

Sport